Friday, November 29, 2024

Proġett ambizzjuż ta’ roti elettriċi f’pajjiżna li se jimpjega mad-90 ħaddiem sal-2025

L-imprenditur Perlo Pietro jisħaq dwar is-sigurtà u l-effiċjenza bħala l-prijoritajiet għal trasport alternattiv u iżjed nadif

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-innovazzjoni u l-ambjent huma fost il-prijoritajiet tal-viżjoni ta’ dan il-gvern. Dan il-ġurnal tkellem ma’ Perlo Pietro ftit jiem qabel it-tnedija ta’ proġett ambizzjuż li mistenni jara lil pajjiżna fi tranżizzjoni lejn l-użu ta’ mezz ta’ trasport aktar nadif, sigur u affordabbli. Dwar l-impenn tiegħu li jinvesti f’pajjiżna, l-imprenditur Taljan qalilna li wara l-preżentazzjoni tal-kunċett tiegħu f’Turin, kien avviċinat miċ-Ċermen tal-Erremme Dr Ruben Buttigieg li kkonvinċih biex jikkunsidra lil pajjiżna għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett. Minn hemm huwa kien offrut spalla wkoll mill-Malta Enterprise fejn qal li l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia kien strumentali biex għenu jittrasforma din l-idea f’kunċett li minnu nibtet il-kumpanija ġdida Malta Electromobility Manufacturing LTD (MEM). Il-mira ta’ din il-kumpanija hija li b’kollaborazzjoni ma’ GasanZammit Motors Limited jirnexxielha tieħu f’idejha t-tmun ta’ bejn 20 u 25 fil-mija tas-suq tar-roti elettriċi f’pajjiżna u skont l-ewwel kalkoli huwa stmat li biex dan iseħħ se jkunu qegħdin iħaddmu bejn 80 u 90 persuna bejn l-2023 u l-2025.

Il-kumpanija MEM hija ffinanzjata mill-proġett Ewropew ‘Fluently’ u l-għeruq tagħha nibtu fl-ewwel ta’ Ġunju li għadda bil-għan li tiżviluppa interazzjonijiet bejn l-umanità u r-robotika. Bl-għajnuna tal-Malta Enterprise, il-kumpanija qiegħda tfittex ukoll li toħloq laboratorju sabiex tħarreġ persuni f’dawn il-kunċetti avvanzati. L-idea hija li minbarra li ssaħħaħ il-produzzjoni f’pajjiżna, il-kumpanija trawwam lill-ġenerazzjonijiet ta’ ħaddiema li jmiss f’faċilitajiet ta’ manifattura avvanzati ta’ dan it-tip. “Nemmnu li t-taħriġ huwa ċ-ċentru ta’ dan il-kunċett tagħna u l-ħsieb huwa li flimkien ma’ COMAU – li hija l-kumpanija multinazzjonali Taljana f’dan il-qasam ibbażata f’Turin, dak li jsir f’Malta jkollu impatt soċjali b’saħħtu”, kompla biex jispjega l-imprenditur.

Ma’ L-Orizzont Pietro qal li l-kumpanija MEM tiffoka fuq l-elettromobilità u li jinsabu konvinti li din se tikseb ċertu poplarità fil-futur qarib. Bħala kumpanija tiffoka fuq il-kunċett tal-mobilità urbana għalhekk huma jinsabu motivati li jiżviluppaw karozzi u roti meqjusin “l-aqwa fil-klassi” bi prijoritajiet fuq is-sikurezza, l-ergonomija, l-effiċjenza, l-interattività, is-sostenibbiltà u l-affordabbiltà. Tkellem b’mod partikolari dwar l-impenn li tiżdied is-sigurtà f’dan il-kunċett ta’ roti minħabba li s-sigurtà hija meqjusa bħala fattur kritiku li jżomm lin-nies lura milli jħaddnu bis-sħiħ ir-roti u l-e-bikes. Studju onlajn minn YouGov sab li 43 fil-mija tan-nies fil-gruppi ta’ etajiet u s-sessi kollha li jgħixu fl-ibliet qalu li għażla aktar sigura tasal biex tħeġġiġhom iqisu ċ-ċikliżmu bħala alternattiva. Is-sigurtà hija l-qafas tal-industrija tar-roti u b’dan f’moħħna, MEM qed tipproponi dan il-kunċett ġdid ta’ e-bikes li jagħti prijorità lis-sigurtà.

MEM taqsam teknoloġiji, sħubijiet, u proprjetajiet intellettwali mal-FEVS – waħda mis-saħħiet ewlenin tal-kumpanija MEM se tkun il-kollaborazzjoni ma’ madwar 150 organizzazzjoni ta’ R&D, inklużi Magnetto Automotive u ArcelorMittal biex flimkien ikunu jistgħu jiżviluppaw materjali ta’ saħħa għolja, COMAU għal manifattura avvanzata u STMicroelectronics fejn jidħol it-tagħlim tal-makkinarju. Dan se jippermetti lill-MEM tkopri l-aspetti multidixxiplinarji kumplessi tas-settur tal-mobilità. Dawn il-kumpaniji kollha se jappoġġjaw lill-MEM fl-esebizzjoni li se ssir bejn it-30 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju li ġej. Skont Perlo l—ebikes huma l-alternattiva ideali u ferm aktar sostenibbli għall-karozzi għal ħafna vjaġġi, u biex ikun iffaċilitat l-proċess tax-xiri jew il-kiri ta’ dawn ir-roti, sar ftehim mal-grupp GsanZammit Motors LTD li se jorganizza road show fil-show room tiegħu stess f’pajjiżna.

L-imprenditur Taljan spjega li llum il-ġurnata s-sitwazzjoni fl-Italja fejn jidħlu l-karozzi hija waħda preokkupanti bħalma hija anke f’pajjiżna. Qal ukoll li fl-Italja huwa stmat li għal kull 1,000 persuna hemm 650 vettura għalhekk biex tittaffa din il-problema, il-mira hija li din ir-rata tintlaħaq b’ekwivalenza fejn  jidħlu l-e-bikes. “Din mhix statistika li qiegħed inbassar jien iżda hija waħda riflessa fit-tbassir tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Ewropea għar-Roti (CONEBI), il-Konfederazzjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu (ECF) kif ukoll l-Industrija Ewropea għaċ-Ċikliżmu (CIE) li qegħdin ibassru bejgħ ta’ 17-il miljun e-bike tal-2030. Dan se jkun ifisser li fl-Ewropa biss, is-suq ta’ dawn ir-roti se jaqbeż il-€200 biljun”, kompla Pietro.

Rigward Malta, it-tbassir tal-kumpanija huwa li sal-istess perjodu (2030), f’pajjiżna jkun hawn mal-250,000 e-bike. L-imprenditur tkellem ma’ dan il-ġurnal anke dwar id-disinn tal-e-bikes li ġew addatati partikolarment għal Malta fejn fost l-oħrajn kienu nnutati kkaratteristiċi ta’ toroq bl-għoljiet u oħrajn li huma pjuttost dojoq. L-idea hija li jibda hub tal-manifattura Malti li jservi wkoll swieq oħra fil-qrib bħalma huma Kreta, Ċipru etċ. Biex din il-manifattura tkun waħda sostenibbli, qiegħda tiġi indirizzata vertikalizzazzjoni pass pass tal-manifattura bil-għan li tnaqqas il-ħafna diffikultajiet tal-katina tal-provvista attwali. Fi kliem inqas tekniku, l-kumpanija l-ġdida se tara li tkun fi stat li tipproduċi lokalment il-partijiet ta’ dawn ir-roti biex tonqos kemm jista’ jkun l-uġigħ ta’ ras f’każ li tinqala ħsara lil min jakkwista dawn ir-roti.

Sport