Sunday, December 22, 2024

Proġett f’pajjiżna li joffri tama lil Ukreni żgħażagħ milqutin mill-kunflitt

Aqra wkoll

F’wirja ta’ solidarjetà internazzjonali, il-Kunsill Reġjonali Għawdex, bi sħab ma’ diversi Kunsilli Lokali Għawdxin, iħabbar l-organizzazzjoni b’suċċess ta’ kamp ta’ attivitajiet tas-sajf imfassal apposta għal grupp ta’ tfal ta’ bejn it-11 u l-14-il sena, li ġejjin minn reġjuni milquta fl-Ukrajna. Din l-inizjattiva notevoli, sanzjonata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni, hija xempju ta’ tama għat-tfal milquta mill-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna.

L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li tingħata għajnuna lil dawn ż-żgħażagħ li għaddejjin minn ħafna f’pajjiżhom. Taħt il-gwida tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni, l-Kunsill Reġjonali Għawdex iffinanzja bis-sħiħ 7 t’ijiem ta’ mistrieħ b’forma ta’ kamp tas-sajf. Dan iservi mhux biss biex nagħtu ftit jiem ta’ mistrieħ minn sitwazzjonijiet diffiċli imma nagħtu ukoll għajnuna psikoloġika lil dawn iż-żgħażagħ. Il-programm huwa iddisinjat b’mod li jgħinhom jinsew ftit id-diffikultajiet u trawma tal-ġwerra, kif ukoll joħolmu ftit għal futur aħjar.

L-għan huwa li tgħinhom jiskopru mill-ġdid in-normalità filwaqt li jrawwem sens imġedded ta’ appartenenza fi ħdan il-komunità Ewropea. B’enfasi fuq attivitajiet fil-beraħ, sports, u eżerċizzji ta’ riabilitazzjoni, il-kamp tas-sajf jieħu perspettiva olistika biex itejjeb kemm is-saħħa fiżika kif ukoll mentali tal-parteċipanti.

Minbarra dawn l-attivitajiet, il-kamp jinkludi element eċċitanti ta’ esplorazzjoni hekk kif it-tfal jimbarkaw għal intrapriżi ta’ sightseeing fil-gżira pittoreska ta’ Għawdex. Dan jwitti t-triq għall-iskambju kulturali u ċans għal dawn il-viżitaturi biex joħolqu memorji dejjiema f’ambjent ġdid u mhux familjari.

Il-president tar-reġjun, Dr Samuel Azzopardi ikkummenta: “Li nilqgħu lil dawn iż-żgħażagħ Ukreni huwa xhieda tal-valuri Ewropej li għandna fi ħdan ir-Reġjun Għawdex u r-residenti tiegħu. Aħna qegħdin wara l-poplu Ukren f’dan il-perjodu ta’ ġlied u gwerra fuq art Ewropea. L-impenn tal-kunsilli lokali tagħna f’dan juri l-valuri sodi li jinsabu fil-komunitajiet tagħna.”

F’din l-inizjattiva ħadu sehem 9 Kunsilli Lokali mir-Reġjun Għawdex, li huma: Rabat Città Victoria,  Għajnsielem, Għarb, Għasri, Kerċem, Munxar, Qala, San Lawrenz u Żebbuġ. Barra minn hekk, il-kunsilli provdew ikla jew ikliet liż-żgħażagħ. Kif ukoll dawruhom madwar il-lokalita’ tagħhom u organizzaw attivitajiet divertenti bħal logħob, għawm u anke tours madwar il-gżira. 

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex u l-Kunsilli Lokali Għawdxin jesprimu l-gratitudni mill-qalb lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u lill-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukraini talli għamlu din l-inizjattiva sabiħa possibli. Dan l-isforz kollaborattiv jestendi daqqa t’id lil dawk fil-bżonn u jagħti eżempju tal-potenzjal tas-sħubijiet globali biex iġibu bidla pożittiva.

Ekonomija

Sport