Monday, December 9, 2024

PROĠETT LI JWASSLEK GĦAWDEX IKTAR MALAJR

L-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi għat-tnaqqis tat-traffiku…

Aqra wkoll

Għada t-Tnejn mistenni jibda x-xogħol infrastrutturali fuq proġett ġdid u ambizzjuż li se jitwettaq kollu sa qabel is-Sajf li ġej bil-għan li jitnaqqas il-ħin tal-wasla għall-vjaġġ bil-vapur lejn il-gżira Għawxdija.

It-TORĊA tista’ tiżvela li se tkun qed tiżdied korsija kontinwa tul it-triq kollha mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa. Il-proġett se jsir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, bl-ewwel interventi se jibdew fuq it-triq mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa.

B’investiment totali ta’ €7 miljun, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, flimkien mal-esperti tekniċi ta’ Infrastructure Malta, ħadmu fuq din is-soluzzjoni biex il-karozzi telgħin lejn Għawdex jibda jkollhom żewġ korsiji, u mhux iktar waħda, mill-Armier saċ-Ċirkewwa.

B’hekk se titnaqqas il-konġestjoni u tiżdied l-organizazzjoni fiż-żona, bir-riżultat li jiġi ffaċilitat b’mod qawwi it-traġett għal persuni li jridu jaqsmu l-fliegu.

Dan il-proġett, li qed isegwi t-tlestija b’suċċess tal-proġett fl-inħawi tal-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa, huwa ppjanat fuq infrastruttura eżistenti u għalhekk mhux se tintmiss art ġdida.

Ix-xogħlijiet se jkunu qed jibdew eżattament wara l-festi tal-Karnival li matulhom tradizzjonalment eluf kbar ta’ Maltin iżuru l-gżira Għawdxija. Fil-fatt, din is-sena kienu iktar minn tmenin  elf u disa’ mitt persuna li qasmu bejn Malta u Għawdex, żieda ta’ aktar minn għoxrin elf persuna meta mqabbel ma’ Frar tal-2023.  

Il-fatt li l-proġett kollu se jitlesta qabel is-Sajf mistenni wkoll jgħin l-immaniġġjar tat-traffiku waqt l-influss kbir ta’ eluf ta’ Maltin li jagħżlu lil Għawdex għal btala tagħhom, speċjalment waqt il-festi ta’ Santa Marija f’Awwissu.

Il-pjanti u d-diżinji li rat it-TORĊA juru li, fit-triq bejn l-Armier u ċ-Ċirkewwa, il-ħsieb hu li jinbidlu l-istrutturi tal-ħadid li llum jifirdu l-karreġġjati u minflok ser isiru strutturi ċċertifikati li joffru l-aqwà sigurtà possibbli. B’din il-bidla, għandu jintrebaħ iżjed spazju li jista’ jintuża b’mod iktar effettiv.

Id-disinn il-ġdid tat-triq jaħseb biex jiġi eliminat ukoll l-ivvjaġġar ta’ vetturi min-naħa għall-oħra. Ser tinbidel ukoll l-istruttura eżistenti tal-pont ta’ fuq il-mina li tagħti lejn il-Moll tan-Nofsinhar, wara li saritlu ħsara estensiva kawża tal-elementi.

Se tkun qed tingħata importanza wkoll liċ-ċiklisti, bil-karreġġjata għalihom fit-triq mir-roundabout tal-Marfa saċ-Ċirkewwa se tibqa kif inhi u saħanitra titwessa f’ċertu żoni, filwaqt li se jkun hemm rotta alternattiva minn Triq ta’ Msid biex iċ-ċiklisti jgħaddu mill-Armier sal-Marfa.

Ittieħdu wkoll il-prekawzjonijiet kollha biex ma jingħalaqx l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-terminal għall-ħaddiema li jaħdmu fl-akkwati u biex ma tinħoloqx konġestjoni li tostakola s-servizz tat-trasport pubbliku u s-servizz ta’ emerġenza.

It-titjib fl-infrastruttura lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa huwa l-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi li mistennija jittieħdu fix-xhur li ġejjin għat-tnaqqis tal-konġestjoni f’żoni importanti tal-pajjiż. It-TORĊA hija infurmata li, sas-sajf li ġej, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett se jkun qed iħabbar proġetti infrastrutturali u riformi oħra fl-immaniġġjar tat-traffiku skont pjan ta’ azzjoni li diġa tfassal fis-sitt ġimgħat mindu Dr Bonett ħa r-responsabbilita ta’ dan id-dekasteru.

Dan aparti ta’ miżuri li bdew jidħlu fis-seħħ, ewlenin fosthom favur l-ispinta għat-trasport alternattiv bħad-deċiżjoni li s-servizz tal-ferry mill-Kottonera u minn tas-Sliema lejn il-Belt Valletta jsir kompletament bla ħlas għal kull min għandu Tal-Linja Card.

Ekonomija

Sport