Thursday, March 28, 2024

Proġett ta’ €5 miljuni f’Il-Magħluq f’Marsaxlokk

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg varaw pjan ta’ riġenerazzjoni għall-villaġġ pittoresk ta’ Marsaxlokk bil-għan li jindirizza l-ħtiġijiet infrastrutturali b’mod sħiħ u sostenibbli li qiegħed ikompli jimmaterjalizza bi proġett fil-parti magħrufa bħala “Il-Magħluq”. Il-proġett, stmat li se jkun jiswa madwar €5 miljuni, huwa ffinanzjat mill-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) se tara li dan il-proġett ikun esegwit f’14-il xahar.

Il-Ministru Farrugia Portelli u l-Ministru Ian Borg żaru s-sit tal-proġett fejn ingħataw stampa konkreta tal-proġett mill-periti responsabbli minnu.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-iskop aħħari wara dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni huwa li jtejjeb l-aspett estetiku u infrastrutturali ta’ dan il-villaġġ mill-isbaħ għall-benefiċċju tas-sajjieda, tar-residenti, u tal-eluf ta’ Maltin u turisti li jżuruh. “Din hija waħda mill-aktar żoni frekwentati mill-Maltin fl-aħħar tal-ġimgħa imma wkoll minn eluf ta’ turisti li jżuru dan il-villaġġ tipiku tas-sajjieda. Fl-2019 kien hemm 1,226,992 turist li żaru Marsaxlokk. Dan ifisser li 45% tat-turisti li ġew Malta żaru Marsaxlokk,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

“Huwa pjan frott ta’ diversi snin ta’ pjanar li kienu jinkludu, fost oħrajn, konsultazzjonijiet pubbliċi biex ikun assigurat bilanċ ekwu għall-ħtiġijiet tan-nies. Ix-xogħol f’Marsaxlokk mhux se jieqaf mat-tlestija ta’ dan il-proġett. Ninsabu kommessi li wara li nbena parkeġġ pubbliku fl-inħawi tal-Kavallerizza nkomplu nimplimentaw proġetti oħrajn, fosthom il-bini ta’ pitch tal-waterpolo ġdid. Dan kollu fl-ispirtu li nagħtu lura lil Marsaxlokk dak li verament jistħoqqlu, żvilupp sostenibbli li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li “ħidmietna hija mmirata biex Marsaxlokk jibqa’ destinazzjoni ewlenija li tibqa’ mfittxija mit-turist. Huwa għalhekk fl-interess ta’ pajjiżna li dejjem noffru prodottt turistiku mill-aqwa, waqt li fl-istess ħin nieħdu ħsieb ukoll is-sensittività ta’ din iż-żona,” temmet tgħid il-Ministru.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Ian Borg qal, “li hawnhekk ninsabu f’żona li ilha żmien twil għatxana għar-riġenerazzjoni. F’din il-parti tal-gżira jiltaqgħu diversi komunitajiet differenti – residenti, sidien tal-istabbilimenti u sajjieda. Ix-xogħol mhux qed isir b’mod superfiċjali, iżda jinkludi xogħlijiet mill-qiegħ anke fuq is-servizzi, li se jiġu mgħoddija minn taħt l-art favur dehra isbaħ. Fuq kollox qed naraw li jkollna anke faċilitajiet adekwati għas-sajjieda. Dan huwa biss wieħed fost numru ta’ investimenti f’din iż-żona tal-pajjiż. Infrastructure Malta qed twettaq ix-xogħol fuq il-breakwater tal-Qrejten, u fi snin passati saret ukoll ħidma fuq skali u slipways għas-sajjieda ta’ Marsaxlokk. Sadanittant, flimkien mal-kollega l-Ministru Farrugia Portelli, kelli x-xorti wkoll nara xogħol ta’ tħawwil ta’ siġar minn Infrastructure Malta fil-park tal-familja ta’ Birżebbuġa ftit lil hinn minn hawn, kif ukoll ix-xogħol fuq il-parkeġġ ġdid fiż-żona tal-Freeport li qed isir minn Projects Malta. L-impenn tagħna huwa li ninvestu f’infrastruttura xierqa għal kulħadd.”

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi qal li l-proġett Tal-Magħluq huwa wieħed estensiv ħafna li mistenni jwassal biex din il-parti tinbidel sostanzjalment fid-dehra tagħha. Is-Segretarju Permanenti qal li s-sena li għaddiet il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ingħatat l-inkarigu mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur għall-implimentazzjoni tal-proġett.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li qabel bdew ix-xogħlijiet f’Tal-Magħluq, il-GHRC ipparteċipat f’taħditiet biex tikkunsidra l-esiġenzi kollha tal-komunità u l-istakeholders. Ix-xogħol jinkludi servizzi ġodda li se jgħaddu minn taħt l-art, inkluż sistema ġdida ta’ drenaġġ b’pompa ġdida u ġeneratur, investiment li se jsolvi l-problema li jfur id-drenaġġ fil-baħar, sistema tal-elettriku ġdida u adekwata li se tgħin lill-istabbilimenti taż-żona, tindif tal-wires minn mal-faċċati u sistema ġdida ta’ dwal.

Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet adekwati għal sajjieda li jużaw irmiġġi fiż-żona, sistema ġdida għall-andament tat-traffiku, żoni pedonali u pavimentar taż-żona kollha biex tingħaqad mal-pjazza ta’ Marsaxlokk li hi diġà pavimentata. Il-pjanijiet raw li jitħalla l-ispazju meħtieġ biex is-sajjieda jwettqu l-attivitajiet tagħhom, filwaqt li se jiġi organizzat ukoll aħjar il-parkeġġ.

Għaż-żjara tal-Ministri Julia Farrugia Portelli u Ian Borg attendew wkoll iċ-Chairman tal-GHRC Tony Agius Decelis u s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk Steven Grech.

Ekonomija

Sport