Friday, December 20, 2024

Proġett ta’ riċerka bil-għan li jipprovdi trattament aktar effettiv għall-epilessija u għal mard ieħor newroloġiku

Dan qiegħed isir b’investiment ta’ €195,000

Aqra wkoll

Bis-saħħa tal-finanzjament għar-riċerka ta’ €195,000 taħt il-programm FUSION tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, xjentisti fl-Università ta’ Malta qed jaħdmu fuq Bookind, proġett ta’ riċerka bil-għan li jipprovdi trattament aktar effettiv għall-epilessija u għal għadd ta’ kundizzjonijiet newroloġiċi oħra.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tistma li madwar 50 miljun persuna madwar id-dinja jgħixu bl-epilessija. F’Malta hawn aktar minn 4,000 pazjent li jgħixu b’din il-kundizzjoni li tista’ tikkawża stigma u konsegwenzi serji fuq is-saħħa, tinterferixxi mal-istudju jew mal-impjieg, telfien ta’ indipendenza, iżolament soċjali, riskju akbar ta’ korriment u dipressjoni.

Matul iż-żjara tiegħu fil-laboratorji bijomediċi fejn qed isir ix-xogħol ta’ riċerka fuq il-proġett Bookind, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar l-isforzi tat-tim formidabbli ta’ riċerkaturi taħt il-gwida tal-Prof. Mauro Pessia, li qed jaħdmu bla heda biex jipprovdu soluzzjonijiet ġodda u aktar effettivi għall-persuni li qed jikkumbattu ta’ kuljum dawn il-kundizzjonijiet diffiċli.

“Din it-tip ta’ riċerka timliena bit-tama għax għandha l-għan li b’mod konkret ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li kontinwament qed jinżammu lura mid-disturbi newroloġiċi tagħhom. Din hija dimostrazzjoni ċara ta’ kif kulħadd jista’ jibbenefika meta r-riċerka u l-innovazzjoni jitqiesu bħala pilastri ewlenin għall-futur ta’ pajjiżna”, qal il-ministru.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil Omnigene Medical Technology, kumpanija Maltija prestiġjuża tal-bijoteknoloġija għall-kontribut importanti tagħha sabiex dan il-proġett jitwettaq b’suċċess, u lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li għamel dan il-proġett possibbli permezz tal-programm FUSION.

Bħalissa, aktar minn 30% tal-pazjenti huma reżistenti għal trattamenti farmakoloġiċi eżistenti. Il-Prof. Mauro Pessia spjega li, “Meta l-epilessija ma tkunx ikkontrollata permezz tal-mediċini, din tista’ anke tikkawża mewt. L-unika għażla oħra ħafna drabi tkun it-trattament newrokirurġiku, iżda dan spiss ma jkunx possibbli minħabba r-riskju inaċċettabbli li waqt l-operazzjoni ssir ħsara lil partijiet oħra tal-moħħ li jikkontrollaw il-lingwa, is-sensazzjoni, il-moviment u funzjonijiet kruċjali oħra tal-moħħ. Għalhekk l-identifikazzjoni ta’ mediċini aktar effettivi biex dan jiġi evitat hija meħtieġa b’mod urġenti”.

Ekonomija

Sport