Thursday, December 26, 2024

Proġett ta’ tisbiħ fi spazju rikreattiv fl-Imqabba

Aqra wkoll

Ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ fi spazju rikreattiv fl-Imqabba, mill-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Imqabba Grace Marie Zerafa.

Il-proġett ta’ tisbiħ fi Ġnien il-Mentna f’Pjazza Ġublew tad-Djamanti sar b’investiment ta’ madwar €55,000, li parti minnu kien iffinanzjat mill-iskema ‘Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Komunitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom’ li tinħareġ minn żmien għal żmien mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-iskema huwa li tgħin b’mod finanzjarju lill-kunsilli lokali iwettqu proġetti diversi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-proġett ta’ tisbiħ fi Ġnien il-Mentna fl-Imqabba jirrifletti l-impenn tal-Gvern u tal-kunsill lokali biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

“Ix-xogħol inkluda kisi mill-ġdid tal-ħitan, sistema ġdida ta’ dawl, bandli, kif ukoll pjanti u sistema ta’ kameras tas-sigurtà. Dan l-ispazju rikreattiv issa joffri ambjent aħjar, aktar sigur u pjaċevoli għall-familji, u jsaħħaħ is-sens ta’ komunità”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret il-ħidma u l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba li għaraf il-bżonn ta’ dan l-ispazju biex jiġi riġenerat u jingħata dehra isbaħ. Hija qalet li l-Gvern kommess li jibqa’ jsostni lill-kunsilli lokali b’dak kollu meħtieġ sabiex ikomplu jwettqu proġetti fil-qalba tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom skont il-bżonn tal-lokalità u r-residenti, li jinbidlu maż-żminijiet.

 
“Il-kunsilli lokali li huma l-ewwel referenza għar-residenti u li huma familjari sew mal-lokalitajiet rispettivi tagħhom, jibqgħu huma l-aħjar u l-aktar sors effiċjenti biex jidentifikaw il-bżonnijiet tal-irħula u l-ibliet tagħhom. Għaldaqstant huma stess jafu b’liema mod dawk il-bżonnijiet jistgħu jiġu indirizzati” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 
Dan il-proġett ta’ tisbiħ kien jikkonsisti minn kisi mill-ġdid tal-ħitan kollha tal-ġnien u sar cladding fuq iċ-ċnut li jdawru dan l-ispazju. Ġiet installata sistema ta’ dawl ġdida u għamara ġdida bħal bankijiet u tgħamir ġdid tal-bandli mgħammar b’safety flooring. Tħawlu wkoll aktar siġar u pjanti ma’ dawk eżistenti. Ġiet installata sistema ġdida ta’ kameras tas-sigurtà u saret estensjoni tal-pump room. Sar ukoll xogħol estensiv sabiex il-funtana reġgħet bdiet tiffunzjona mill-ġdid.

 
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Imqabba Grace Marie Zerafa qalet li l-kunsill lokali għaraf li dan il-ġnien kellu l-ħtieġa li jiġi riġenerat sabiex ikun jista’ jitgawda mir-residenti, speċjalment mit-tfal. “Bħala kunsill dejjem rajna li kull skema li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali napplikaw għaliha u nieħdu kull opportunità, għaliex nemmnu li rridu nibqgħu qrib ir-residenti u nagħtuhom dak li jixtiequ sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom,” temmet tgħid is-Sinjura Zerafa.

 
Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll diversi membri mill-kunsill lokali tal-Imqabba.

Ekonomija

Sport