Ġie mniedi l-programm ‘Parents as Partners’, li huwa speċjalizzat fuq it-trobbija tat-tfal fi stadju bikri. Dan bil-għan li koppja li jkollha wild tgawdi minn relazzjoni b’saħħitha, anke fl-ewwel ġimgħat illi titwieled it-tarbija. Dan huwa programm inovattiv, li diġà beda jitħaddem f’Malta, fejn koppji li jħossu bżonn t’għajnuna jistgħu jipparteċipaw f’dan il-programm li jingħata minn professjonisti mħarrġa fis-suġġett, u huwa mifrux fuq 16-il ġimgħa.
Parents as Partners qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Perinatal Mental Health Care, id-Dipartiment tal-Istudju għat-Tfal u l-Familja fi ħdan l-Università ta’ Malta, u s-sehem ta’ professjonisti bħal qwiebel, psikjatri u psikologi, fost oħrajn.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet, nhar it-Tnejn waranofsinhar mill-Kumitat Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja, li huwa wkoll fergħa tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-proġett pilota huwa mmirat lejn ġenituri li jkollhom tarbija taħt sena, sabiex iżommu relazzjoni b’saħħitha bejnithom, anke fid-dawl tal-wild tat-tarbija tagħhom.
Il-Ministru Falzon tenna li “Fl-ewwel ġimgħat u xhur ikun hemm nuqqas ta’ rqad, kif ukoll ħafna biki tat-trabi bil-ġenituri ma jkunux jafu x’qed jikkawża dan, u li ħafna drabi joħloq tensjoni bejn il-ġenituri bil-konsegwenza ta’ diżgwid. Jekk dan it-tip t’atteġjament ikun fit-tul, jaf iħalli effetti devastanti fuq it-tfal.” Huwa sostna li permezz tal-Kumitat Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja, se jkunu qed isaħħu r-riżorsi, anke permezz ta’ professjonisti, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-pariri u l-assistenza tagħhom.
Il-programm se jkun qed jgħin lill-qwiebel jirreferu ċertu każijiet, anke minn meta jieqfu bil-viżti tagħhom fid-djar tal-koppji fejn jaraw l-ommijiet u trabi. S’issa diga’ tqassmu 700 kwestjonarju lill-ommijiet u missirijiet fil-perjodu ta’ qabel it-twelid u l-istess numru ta’ kwestjonarji wara it-twelid.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja Ruth Sciberras spjegat kif permezz ta’ dan il-proġett pilota, se tkompli tissaħħaħ l-ħidma fil-komunità. Qalet li dan il-programm kien imnebbaħ minn inizzjativi li ttieħdu fix-xhur li għaddew, illi kollha jorbtu ma’ trobbija pożittiva, ambjent sigur u li jippromwovi relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied.
“Fix-xhur li għaddew rajna kif ħafna mill-kampanji li wettaqna ħallew marka pożittiva u qed iservu sabiex jagħtu direzzjoni, speċjalment fl-ewwel xhur tat-trobbija. Bħala ġenituri tat-tfal tagħna għandna d-dmir u r-responsabbilità illi nrabbu l-uliedna bl-aqwa mod possibli. Dak li niżiraw illum huwa dak li naħsdu għada u pitgħada. Hemm l-għajnuna u l-assistenza meħtieġa għal dawk kollha li jsibu diffikultajiet,” temmet tgħid iċ-Chairperson Ruth Sciberras.
Minn jixtieq jagħmel kuntatt mal-Positive Parenting Malta jista’ jagħmel dan billi jibgħat messaġġ fuq facebook jew jibgħatu email fuq [email protected].