Applikant irid ikun residenti f’Malta għal tliet snin qabel ma japplika għall-ċittadinanza
Malta se ttemm il-Programm tal-Investitur Individwali eżistenti u tagħlaq l-Aġenzija Maltija għall-Programm tal-Investitur Individwali. Il-Gvern se jirriforma l-inizjattivi ta’ residenza kollha u jistabbilixxi aġenzija ġdida li tkun responsabbli għall-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-metodi kollha li jwasslu għaċ-Ċittadinanza Maltija u tirrevedi l-Qafas Legali relatat. Ir-regolamentazzjoni l-ġdida se jkunu f’forma ta’ pjan ta’ residenza li jkollu l-potenzjal li jwassal għaċ-ċittadinanza.
Dan tħabbar waqt briefing għall-ġurnalisti fejn is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ta d-dettalji marbuta mal-Programm tal-Investitur Individwali u fisser ir-regolamentazzjoni ġdida li hija maħsuba biex tattira l-aħjar talent internazzjonali u investiment internazzjonali lejn is-suq ekonomiku lokali. Muscat qal li jittama li dawn l-emendi jiġu approvati mill-Parlament sa massimu l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Din ir-regolamentazzjoni ġdida qed titnieda peress li l-IIP qed jilħaq il-limitu stipulat tiegħu ta’ 1,800 filwaqt li ġie innutat li kien hemm bżonn ta’ bidliet u konsultazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, il-programm preċedenti jintemm u jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda ta’ residenza li huma aktar stretti f’termini ta’ diliġenza dovuta.
Il-persuna trid tgħaddi minn skrutinju rigoruż biex jiġi assigurat li hija tassew ta’ livell
Muscat qal li se titnieda Aġenzija ġdida bl-iktar kriterji restrinġenti madwar id-dinja għall-investiment fiċ-ċittadinaza. Huwa semma wkoll li se jkun hemm bidla drastika fejn qal, “se nitilqu mil-linja ta’ ħsieb tal-passat li jkun hemm programm ta’ ċittadinanza għal programm ta’ residenza li jista’ jwassal għal ċittadinanza għax mhux kulħadd li jkun resident eventwalment jasal għaċ-ċittadinanza.”
Muscat qal li jekk l-għan aħħari ta’ min japplika huwa li jsir ċittadin Malti, din il-persuna trid tgħaddi minn test ta’ eliġibilità fejn isir skrutinju rigoruż fuq il-persuna biex jiġi assigurat li hija tassew ta’ livell u ta’ stoffa. L-aġenzija l-ġdida se tikkoopera iktar ma’ awtoritajiet ta’ investigazzjoni u infurzar tal-liġi lokali u barranin, l-MFSA, l-FIAU u l-awtoritajiet tat-taxxa.
L-ebda resident li ma jissodisfax il-kriterji t’eliġibilità mhu se jkun jista’ jipproċedi bl-applikazzjoni tiegħu għaċ-ċittadinanza. Jekk il-persuna tgħaddi minn dak it-test, imbagħad jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza pero f’kull każ biex tapplika trid tkun ilek residenti f’pajjiżna tal-inqas għal tliet snin, jew f’każ li l-investiment ikun aktar, wara 12-il xahar.
L-investiment tal-applikant ewlieni wara perjodu ta’ tliet snin residenza se jkun €600,000. Dawk li japplikaw wara perjodu ta’ sena residenza se tiżdidilhom iċ-ċifra ta’ investiment minn €650,000 għal €750,000.
Rivedut il-valur tal-proprjetà u fil-kirja
Ġie spjegat li se jkun qed jiġi rivedut il-valur tal-proprjetà u fil-kirja. Il-valur minimu tal-proprjetà mixtrija tela’ minn €350,000 għal €700,000 u l-valur minimu għall-kiri ta’ proprjetà żdiedet minn €16,000 għal €18,000. Waqt il-briefing tal-ġurnalisti ntqal ukoll li għandhom l-obbligu li jagħtu kontribuzzjonijiet biex b’hekk se tkun mandatorja donazzjoni filantropika ta’ mhux inqas minn €10,000.
Dawn ir-regolamenti l-ġodda huma intenzjonati biex jiffinanzjaw il-gżejjer Maltin fi żminijiet u oqsma ta’ bżonn ekonomiku. Ġie spjegat li din hija inizjattiva ġdida, separata mill-IIP. Madankollu, il-benefiċċji tal-politika ta’ Malta għall-għoti taċ-ċittadinanza b’investiment huma notevoli madwar il-pajjiż, speċjalment permezz tal-investimenti ta’ multi-miljun ewro, inklużi €50 miljun proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali b’500 djar soċjali ġodda fi 22 siti differenti, € 10 miljun għall-proġett biex ittejjeb 8 ċentri tas-saħħa u 54 klinika,€ 950,000 investiment fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija tal-Isptar Mater Dei u € 5 miljun għal Puttinu Cares għall-bini ta’ appartamenti ġodda għal pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom f’Londra.