Thursday, December 26, 2024

PROGRAMMI AFFERMATTIVI

Aqra wkoll

Matul ħafna snin, l-Istati Uniti kienu fuq quddiem nett biex b’mod konkret, jaffermaw id-drittijiet tal-bniedem billi ħaddmu dawk li għadhom jissemmew bħala “programmi affermattivi” f’oqsma differenti, speċjalment fl-edukazzjoni.

Il-programmi kienu jitilqu mill-punt li f’komunitajiet minoritarji (l-aktar dawk suwed, imma mhux biss) jeżistu barrieri soċjali li jżommu lura liż-żgħażagħ milli jilħqu ċerti livelli, kif stabbiliti f’testijiet akkademiċi, meħtieġa biex jidħlu fl-universitajiet. Allura kienu jinbidlu l-kriterji ta’ għażla ħalli jippermettu li studenti hekk ikunu aċċettati f’korsijiet universitarji.

Ftit ilu, l-Qorti Suprema Amerikana qatgħetha li dawn il-miżuri huma diskriminatorji u jmorru kontra l-kostituzzjoni Amerikana li tiggarantixxi ugwaljanza bejn iċ-ċittadini. Hi deċiżjoni li aktar tirrifletti l-bixra ideoloġika konservattiva tal-Qorti milli taqdi tajjeb il-bżonnijiet veri tas-soċjetà Amerikana.

It-twettiq tal-programmi affermattivi kien qed iservi biex naqqas id-distanza soċjali bejn membri tal-komunitajiet minoritarji u dawk minn komunitajiet oħra li fir-realtà huma privileġġjati.

IKEL MALTI

L-ikel Malti qed jerġa’ jiġi f’tiegħu? Fenek imsajjar b’diversi modi, għaġin il-forn, ravjul stil “tan-nanna”, sopop bħal tal-armla, stuffat tal-bebbux, ftajjar… Jidher li dawn u platti oħra li aħna mdorrija nqisu bħala Maltin qed jingħataw aktar attenzjoni. U qed isibu klijentela fir-restoranti li tapprezzahom.

Hu żvilupp li ta’ min jinkoraġġih. Influwenzata kif kienet minn gosti “Taljani” miruta u minn dawk tal-baħrin u suldati Brittaniċi stazzjonati fil-gżejjer, xorta waħda l-kċina Maltija għandha l-identità tagħha li ħabtet se tintesa.

Problema li nara: Biex ikel iqanqal interess u apprezzament, irid jiġi servut minn nies li huma stess juru lejh interess u apprezzament. Biss, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-personnel ir-ristoranti tagħhna qed ikun magħmul minn barranin!

EMIGRAZZJONI

Saru ħafna kummenti dan l-aħħar dwar konklużjoni li ħarġet minn stħarriġ tal-opinjoni: numru sostanzjali ta’ żgħażagħ esprimew ix-xewqa li twieldu f’xi pajjiż ieħor u/jew li jmorru jgħixu barra.

L-emigrazzjoni dejjem kienet għażla li ffaċċjat lill-poplu tagħna matul is-snin. Ta’ spiss ma kienet għażla xejn, għax ma kienx hemm alternattiva għaliha. Dawk li telqu kellhom jagħmlu hekk biex ifittxu x-xogħol.

Illum min jemigra jkun qed ifittex ħajja u ambjent aħjar, għalkemm l-istendards tal-għajxien hawn baqgħu jiżdiedu kontinwament. Fl-imgħoddi wkoll, għalkemm mhux daqskemm jintqal li hu l-każ illum, kien hemm min ried jaħrab mill-ħajja dejqa li bilfors kienet tingħex f’komunità ċkejkna, iżolata u tradizzjonali.

Bil-ħelsen li jeżisti biex wieħed jitlaq jgħix u jaħdem mal-Unjoni Ewropea suppost li l-emigrazzjoni saret aktar faċli. Ikun interessanti għalhekk li tinżamm statistika għaddejja sena b’sena dwar l-emigrazzjoni tal-Maltin ’il barra minn Malta.

Ekonomija

Sport