Project Green nediet Espressjoni ta’ Interess fejn qed tistieden lis-sidien tal-għelieqi u raba’ f’Malta u Għawdex biex jirreġistraw l-interess tagħhom u jissieħbu magħha biex iħawlu siġar fuq l-art tagħhom bħala parti minn inizjattiva nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar. Is-siġar ikunu provduti minn Project Green mingħajr ħlas.
L-għan tal-inizjattivà huwa li tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali u l-afforestazzjoni, tgħin biex ittejjeb ir-reżiljenza għall-klima u tikkontribwixxi għal Malta aktar ekoloġika u b’saħħitha.
Lil hinn mill-għanijiet ambjentali tagħha, l-espressjoni ta’ interess tfittex ukoll li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn Project Green, il-komunitajiet lokali, u l-partijiet ambjentali interessati, filwaqt li tħeġġeġ ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-ambjent u l-preservazzjoni ta’ spazji ħodor miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, spjega li din l-inizjattiva hija parti minn sensiela usa’ ta’ proġetti mfassla biex isebbħu l-pajsaġġ naturali ta’ Malta u jtejbu r-reżiljenza nazzjonali għall-klima u l-ambjent. “Din l-espressjoni ta’ interess hija maħsuba biex tippermetti proġetti ta’ afforestazzjoni fuq skala kbira permezz ta’ sħubija bejn is-sidien tal-art u Project Green. Skemi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna fit-tul,” qal Cuschieri.
Is-sidien tal-għelieqi u raba li jixtiequ jirreġistraw l-interess tagħhom jistgħu jagħmlu dan billi jżuru s-sit elettroniku ta’ Project Green (www.projectgreen.mt) u jimlew il-formola online.
Il-formola tinkludi wkoll lista ta’ speċi ta’ siġar disponibbli permezz tal-iskema.
Għal aktar informazzjoni jew assistenza, l-applikanti interessati jistgħu jċemplu Freephone servizz.gov 153 (Est. 20) jew jibagħtu email lil [email protected]