Sunday, November 24, 2024

Propost proġett ta’ afforestazzjoni

Aqra wkoll

Grupp ta’ periti u inġiniera għadhom kif nedew proposta ta’ afforestazzjoni għall‑Gżejjer Maltin. Il‑proposta ‘Help Malta Breathe’, li tnediet permezz ta’ filmat fuq il-midja soċjali, juri l‑kunċett ta’ siġar indiġeni mħawla f’postijiet madwar Malta u Għawdex.

L‑ewwel post identifikat mill‑grupp li hu magħmul minn 24 kumpanija ta’ periti, hu fil‑park nazzjonali tal‑Inwadar li jibda miż‑Żonqor ta’ Marsaskala u jibqa’ sejjer sax‑Xgħajra. 

Is‑sit maħsub għall‑afforestazzjoni jkopri 315,000 metru kwadru. Fil‑biċċa l‑kbira hu magħmul minn għelieqi mitluqin, kosta mimsusa u diġà għandu sistemi ta’ irrigazzjoni b’ilma ġej mill‑impjant tad‑dranaġġ Ta’ Barkat, li jinsab f’tarf is-sit.

L‑afforestazzjoni mhix kunċett ġdid għall‑Gżejjer Maltin tant li fl‑1960 kien twettaq b’suċċess proġett ta’ afforestazzjoni fil‑limiti tal‑Miżieb tal‑Manikata fil‑Mellieħa, li llum hu l‑akbar bosk ta’ Malta li jkopri 650,000 metru kwadru. Il‑Buskett ukoll kien proġett ta’ afforestazzjoni magħmul mill‑Kavallieri ta’ Malta.

Is‑sit hu l‑ewwel wieħed minn numru ta’ nħawi li l‑periti identifikaw. L‑intenzjoni tagħhom hi li jipproponu proġetti ta’ afforestazzjoni simili f’Baħar iċ‑Ċagħaq, in‑Naxxar, San Ġwann, il‑Mellieħa u Għawdex fost oħrajn.

Dwar dan il-proġett, il‑Perit Nicholas Mallia qal li hu proġett ambizzjuż iżda meħtieġ. Is‑siġar huma wieħed mill‑aktar elementi importanti għal ambjent b’saħħtu, jarmu l‑ ossiġnu, isostnu l‑ħajja selvaġġa u ġie ppruvat xjentifikament li jtejbu s‑saħħa mentali tan‑nies.”

Qal ukoll li “Napprezzaw li bħalissa jidher li hemm sforz biex jitħawlu siġar madwar Malta u Għawdex, madankollu nħossu li sakemm ma ssirx xi ħaġa aggressiva malajr kemm jista’ jkun, gżiritna se ssir deżert sakemm uliedna jikbru.” 

Sport