Friday, December 27, 2024

Proposta biex aktar ħaddiema Għawdxin jaħdmu bit-teleworking

Aqra wkoll

Il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex jiddiskuti t-triq ‘il quddiem wara l-impatt tal-Covid-19

Minn CLAUDIO COLEIRO

Il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex qed jipproponi li, fejn hu possibbli, ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta jkollhom l-opportunità li ġurnata jew tnejn fil-ġimgħa jkunu jistgħu jaħdmu mid-dar permezz tat-‘teleworking’. Il-Kumitat qed jissuġġerixxi li din l-opportunità għandha tapplika kemm għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku kif ukoll dawk mal-privat, b’dan li negozji fis-settur privat ikollhom ukoll inċentivi fiskali biex ħaddiema Għawdxin ikunu jistgħu jagħmlu dan.

Din kienet waħda mill-proposti msemmija fir-rapport li tħejja mill-istess Kumitat dwar l-impatt li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19 fuq Għawdex u t-triq ‘il quddiem, liema rapport mistenni jiġi mressaq fost oħrajn lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji biex il-proposti jkunu kkunsidrati waqt il-formulazzjoni tal-Baġit 2021. 

Dan ir-rapport ġie ppreżentat fis-seduta tal-Parlament tal-Erbgħa miċ-Chairperson tal-Kumitat Justyne Caruana wara sensiela ta’ disa’ laqgħat ma’ numru ta’ stakeholders ewlenin f’diversi oqsma fosthom l-ekonomija, it-turiżmu, is-saħħa u l-aspett soċjali, l-edukazzjoni, l-irwol tal-Kunsilli Lokali, il-Knisja, il-kultura, il-qasam tal-volontarjat u l-isport. 

Mid-diskussjonijet li saru, il-Kumitat qabel dwar il-ħtieġa li minħabba r-realtajiet u l-isfidi partikolari li għandha din il-gżira, ewlenija fosthom l-insularità doppja, Għawdex għandu jkun trattat b’mod differenti. 

“Dan jeħtieġ impetu u eżerċizzju ħolistiku biex tiġi indirizzata l-isfida tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-ħtieġa ta’ pakkett partikolari u speċifiku li jindirizza l-bżonnijiet ta’ Għawdex u biex l-ekonomija Għawdxija mhux biss tiġi diversifkata imma wkoll imsaħħa,” tenna l-Kumitat.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat qabel dwar diversi rakkomandazzjonijiet fosthom il-ħtieġa ta’ iżjed sostenn permezz ta’ taħriġ informali lil carers u anke lil persuni milquta minn problemi ta’ saħħa mentali u żieda tar-riżors uman fis-settur soċjali anke b’mod volontarju.

Qed jiġi propost ukoll li jitwaqqaf is-servizz ta’ detox residenzjali f’Għawdex, li jkun hemm żieda fl-investiment fl-Università f’Għawdex, u li tinbeda l-proċedura mal-Awtorità tal-Artijiet biex il-Batterija tal-Qbajjar terġa’ lura f’idejn il-Gvern biex jinbdew ix-xogħlijiet ta’ restawr. 

Il-Kumitat enfasizza wkoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm policy speċifika li tiffoka fuq it-turiżmu f’Għawdex, il-ħolqien ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Gvern għal għaqdiet sportivi żgħar u l-bżonn ta’ diskussjonijiet fuq il-permanent link bejn Malta u Għawdex u anke links bl-ajru, tal-fast ferry u tal-merkanzija. 

Proposti oħra jgħidu li għandu jkun hemm aktar ċentri taċ-‘childcare’ f’Għawdex, li jsir studju dwar l-impatt fuq is-settur tat-turiżmu f’Għawdex tal-kostruzzjoni ta’ mina bejn Malta u Għawdex, li titneħħa l-eco-tax fuq it-turiżmu u tingħata aktar importanza lill-ħarsien tal-ambjent f’din il-gżira.

Il-Kumitat żied jipproponi li tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi bejn ħaddiema Għawdxin u dawk Maltin filwaqt li għandhom jitnedew aktar inċentivi għan-negozji bħal tax holidays u sussidji tal-kera, u inċentivi bħal sussidji fuq pannelli fotovoltajċi.

Fir-rapport żied jingħad li fid-dawl ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kumitat diġa’ beda jieħu azzjoni fosthom li ntbagħtet ittra lill-Istate Aid Monitoring Board fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-Gozo Channel kif ukoll it-talba biex il-kumpanija tiġi megħjuna mhux biss fil-kuntest tal-Covid-19 imma wkoll fit-triq ‘il quddiem. Barra minn hekk, ġew skattati diskussjonijiet mal-entità Active Ageing ad Community Care biex tiġi megħjuna l-Fondazzjoni OASI mil-lat ta’ fornitura u amministrazzjoni ta’ ċerti mediċini bħall-methadone. 

Il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex twaqqaf f’April li għadda u huwa magħmul minn ħames membri li huma Justyne Caruana bħala Chairperson, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u l-Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said.

Ekonomija

Sport