Sunday, May 12, 2024

Żewġ skemi oħra b’total ta’ €4.5 miljuni favur it-turiżmu

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nediet żewġ inċentivi oħra sabiex ikomplu jistimulaw l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew kienu diġà tnedew aktar inċentivi. 

L-inċentivi li ħabbret il-Ministru Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet huma f’forma ta’ żewġ skemi immirati sabiex Malta tattira lejha avvenimenti ta’ kwalità. Bejniethom, dawn l-iskemi jammontaw għal €4.5 miljuni li l-MTA lesta tipprovdi f’forma ta’ sponsorships għall-avvenimenti li jintgħażlu. 

Fl-istess okkażjoni, il-Ministru ħabbret ukoll li mil-lum qed jiddaħħal mekkaniżmu ġdid dwar kif jingħataw l-isponsorships. Dan se jkun mekkaniżmu li jipprovdi kemm serjetà u anke trasparenza, bi kriterji u b’objettivi ċari, kemm kif ser issir l-għażla u anke dwar l-ammont tal-isponsorships. 

“Fil-Parlament diġà kont għamiltha ċara li mhux se nittollera abbużi u pressjonijiet biex jingħataw fondi lil dak u lill-ieħor. Li wieħed japplika għal dawn l-iskemi huwa l-unika mod kif jingħataw fondi bħala għajnuna lill-avvenimenti. Qiegħda nkun ċara. Hemm policy rigoruża li trid tkun segwita strettament, u mhu se naċċetta l-ebda pressjoni fuq ħadd, tiġi mnejn tiġi,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Il-Ministru żiedet tgħid li ħadd minn dawn il-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni mhu impjegat tal- Awtorità Maltija għat-Turiżmu għajr iċ-Chairperson tal-MTA li se jkun iċ-Chair ta’ dan il-kumitat – imma m’għandux vot. 

L-istess membri huma obbligati wkoll li jiddikjaraw kull tip ta’ kunflitt ta’ interess li jista’ jkollhom qabel kull deċiżjoni li tittieħed u jkunu mniżżla fil-minuti. Individwi li jikkuntattjaw membri ta’ dan il-kumitat waqt il-proċess ta’ sottomissjoni/evalwazzjoni jkunu skwalifikati. 

“Din hija l-viżjoni li qed nimbotta ’l quddiem li taspira serjetà, titjib fil-prodott u kwalità aħjar,” enfassizzat il-Ministru Julia Farrugia Portelli. 

Waħda mill-iskemi ġodda mnedija hija għal avvenimenti maġġuri u li għaliha qed tkun allokata s- somma ta’ €2 miljuni. L-iskema l-oħra hija bil-għan li jiżdied it-turiżmu fil-komunità permezz ta’ attivitajiet varji li fihom jiddaħħlu l-elementi tradizzjonali Maltin u Għawdxin. Għal din l-iskema, li se tkun maqsuma fi tnejn, ġew allokati €2.5 miljuni. 

L-ewwel skema tolqot avvenimenti maġġuri li jistgħu jsiru jew fuq ġurnata jew fuq numru konsekuttivi ta’ ġranet, bil-għan li jkunu attirati viżitaturi li jivvjaġġaw u joqogħdu f’akkomodazzjoni f’pajjiżna. 

“Avvenimenti li mistennija jħallu mhux biss valur ekonomiku u żieda fl-okkupanza tal- akkomodazzjoni iżda jagħtu dehra sabiħa internazzjonalment ta’ pajjiżna. U aktar minn hekk avvenimenti li jħallu legat,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

It-tieni skema se tkun maqsuma f’żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija hija fuq skala żgħira imma importanti peress li hija maħsuba biex joħroġ b’saħħtu ħafna l-element tradizzjonali. L-avvenimenti se jkunu ffinanzjati bi spiża li tibda minn minimu ta’ €1,000 sa massimu ta’ €25,000. It-tieni kategorija hija mifruxa aktar fuq livell nazzjonali bil-għan li tattira mases ta’ nies inkluż turisti li jkunu f’pajjiżna u jkunu jistgħu jieħdu magħhom esperjenza pożittiva ta’ Malta. Din il-kategorija tkopri ffinazjar ta’ bejn €50,000 u €100,000. Iż-żewġ skemi se jkunu jistgħu japplikaw għalihom kunsilli lokali, għaqdiet, NGOs u entitajiet privati. 

Indirizzaw din il-konferenza tal-aħbarijiet is-Sur Ronald Mizzi, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turizmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, u s-Sur Johann Buttigieg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 

Sottomissjonijiet huma miftuħa mil-lum, 24 ta’ Lulju, sal-14 t’Awwissu sas-2:00 pm. Applikazzjonijiet u regoli jistgħu jitniżżlu minn https://www.mta.com.mt/en/events-support-scheme . 

Sport