Wednesday, December 25, 2024

Prostituzzjoni

Aqra wkoll

Minn Dr Alfred Sant

Id-diskussjoni għaddejja dwar bidla fil-liġijiet li jikkonċernaw il-prostituzzjoni tqajjem dilemmi fondamentali. Sa fejn għandhom jitħallew ireġu r-regoli tas-suq “ħieles”? Min hu sid/sidt ta’ ġismu, jista’ jittraffikah? Jekk iva, allura r-rwol tal-istat għandu jkun dak li jiżgura li l-att ta’ min qed tagħmel/jagħmel dan  hu tassew ħieles u mhux imġiegħel?

Lil hinn minn hekk, iqumu kwistjonijiet dwar xinhuma l-aħjar miżuri li jħarsu d-drittijiet tan-nisa u kif kull esplojtazzjoni tagħhom għandha titrażżan u tinqered.

Hawn jissemmew mudelli differenti ta’ kif dan għandu jsir. Fid-differenzi ta’ bejniethom, iħalluni perpless. Nifhem li dawk li jsostnu mudelli differenti jridu jilħqu l-istess għan: li l-prostituzzjoni titrażżan b’mod li tinqered għal kollox l-esplojtazzjoni tan-nisa (u ta’ ċertu irġiel). Imma x’jista’ jsir biex nisgħu naslu għal ġudizzju raġeonevoli dwar it-toroq differenti li jissemmew?

Għax il-problema dejjem tibqa’ li taħt il-qoxra ta’ suq ħieles u ta’ kultura “liberali” jibqgħu qawwija l-forzi tal-esplojtazzjoni u tal-kriminalità.

***

META SE TINTEMM?

Is-saga tal-Brexit m’hemmx li tintemm. Ħafna ħasbu li bil-ftehim ta’ tmiem is-sena li għaddiet, l-affarijiet iċċaraw. Mentri mhux hekk. Id-dettalji dwar kif se jkomplu r-rabtiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, baqgħu iridu jiġu maqbula sa tmiem din is-sena.

Dal-qbil jidher imbiegħed. L-imxija tal-corona virus rnexxielha tmewwet ir-rankatura tan-negozjati imma lil hinn minn hekk, iż-żewġ naħat telqu minn distanza li kienet kbira bejniethom u ftit għamlu biex inaqqsuha bis-serjetà sa issa. Għalija, t-tort hu tat-tnejn.

Il-possibiltà li mhux se jintlaħaq ftehim baqgħet qawwija ħafna. Tajjeb li wieħed jikkunsidra minn issa x’miżuri għandhom jittieħdu jekk in-negozjati jirriżultaw fi fjask.

***

M’INIX AVUKAT

 Qatt ma kelli x-xenqa li nsir avukat. Matul is-snin, in parti minħabba li ħdimt f’ambaxxata, fhimt dejjem aktar l-importanza kruċjali tal-liġijiet, kif jinkitbu, jiftehmu u kif jitħaddmu, jitħarsu.

Sadattant, mil-lat ta’ “management” li kont speċjalizzajt fih, il-mistoqsija baqgħetli f’moħħi dwar jekk l-andament fil-qrati u t-tmexxija amministrattiva tagħhom setgħux kienu kruċjali daqs il-qafas kollu legali u ġudizjarju.

Fuq quddiem nett, ħaġa ċara, hemm id-dewmien fil-mod kif jinqatgħu l-kawżi. Ktibt kemm-il darba fuq hekk.

Illum hemm kunsiderazzjoni oħra li ma smajtx min iqanqalha. Meta jitla’ każ quddiem il-qrati dwar jekk A jew B għandux jitressaq għal ġuri kriminali, dal-każ irid jiġi deċiż fi żmien xieraq jew jista’ jibqa’ jtul u jtul f’festa ta’ aħbarijiet sensazzjonali mimlija puntati?

Meta jiġri tat-tieni, dawk li jiddelettaw bit-telenovela jsibu fhiex jixxalaw. Imma hi ħaġa dubjuża kemm fil-frattarija li tirriżulta, l-ġustizzja se tkun qed issib sodisfazzjon xieraq.

Ekonomija

Sport