Wednesday, April 24, 2024

Il-PN jilqa’ l-protokoll għall-iskejjel iżda jgħid li l-Ministeru għall-Edukazzjoni “mhux preparat”

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista qal li jilqa’ l-protokoll maħruġ illum mill-awtoritajiet tas-saħħa filwaqt li jerġa’ jinnota li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu “mhux preparat bi pjan ċar dwar id-dettalji tal-implimentazzjoni hekk kif qegħdin inqas minn xahar bogħod biex l-iskejjel ikunu jistgħu jiftħu.” Il-PN kompla jgħid li “n-nuqqas ta’ preprazzjoni tad-dettal qed joħloq ansjetà fost l-ġenituri, t-tmexxija tal-iskejjel u l-għalliema li huma l-aktar persuni viċin u mhux maqtugħin mir-realta tal-klassi u tal-iskola.” Dan qalu Clyde Puli Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Xogħol u Djalogu Soċjali. 

Puli kompla jgħid li filwaqt li ħafna mill-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa kienu mistennija, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni li dan il-protokoll huwa biss l-ewwel pass fit-triq għall-ftuħ tal-iskejjel u jeħtieġ ukoll pjan ta’ implimentazzjoni serju u dettaljat, imfassal mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jirregola fil-prattika l-operat tal-iskejjel meta jiftħu. 

“Dan il-pjan kif ġie mistqarr kemm-il darba mill-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jseħħ permezz ta’ djalogu veru mal-istakeholders kollha u mhux sempliċi sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar fait accompli li jkun iddeċieda l-Ministeru waħdu. Sakemm jitfassal dan il-pjan se jkun baqa’ wisq domandi li għadhom mhux imwieġba biex jingħata serħan il-moħħ lill-ġenituri, l-għalliema u r-rappreżentanti tagħhom u t-tmexxija tal-iskejjel.” 

Puli kkonkluda jgħid li “l-affarijiet għadhom ukoll mhux ċari ghall-kindergartens, għall-istituzzjonijiet post sekondarji kif ukoll fejn se tidħol in-neċessità tar-remote learning fejn jidher li għad ma sarx sostanzjali titjib fuq l-esperjenza ta’ Marzu – Lulju li għadda.”

Sport