Fil-bidu tal-istaġun tas-sajf dan il-ġurnal ta ħarsa lejn il-kwistjoni ta’ għarmar ta’ umbrellel u deckchairs fil-bajjiet kif ukoll ta’ mwejjed u siġġijiet f’żoni pubbliċi bħalma huma l-bankini u l-pjazez. Il-Gvern min-naħa tiegħu, konxju minn ċertu abbuż, għamel diversi spezzjonijiet u kien hemm drabi fejn ittieħdet azzjoni. Minkejja l-liġijiet fir-rigward u ħidma, għad għandna sitwazzjoni fejn il-pubbliku qiegħed iħoss li din il-problema għadha tkompli tippersisti u proprju minħabba f’hekk, flimkien mal-moviment Graffitti u diversi għaqdiet ta’ residenti, illum ħarġu jipprotestaw fil-Belt.
Bil-messaġġ “Il-Bankini taċ-Ċittadini” l-protesta saret fi Triq il-Merkanti fil-12.15pm, ħdejn il-mużew MUŻA. Hawn dawk preżenti għamlu talba għall-kontroll tat-tqegħid ta’ mwejjed, siġġijiet u strutturi kummerċjali li qegħdin “joħonqu” l-bankini, il-pjazez, it-toroq u l-bajjiet lokali. Skont Graffitti, “minkejja diversi wegħdiet li se tittieħed azzjoni biex l-ispazji pubbliċi li nħatfu mill-kummerċ jingħataw lura lin-nies, s’issa għadna ma rajna l-ebda forma ta’ azzjoni effettiva jew infurzar serju. Il-ħtif tal-ispazji pubbliċi tagħna mill-kummerċ issa qabeż kull limitu aċċettabbli”
“Sitwazzjoni li mill-ħażin sejra għall-agħar”
F’kummennt li ta lil dan is-sit, l-attivist Andrè Callus sostna li s-sitwazzjoni tal-okkupazzjoni tal-ispazji pubbliċi tagħna sejra mill-ħażin għall-agħar. Min-naħa tiegħu huwa spjega li, “filwaqt li kulħadd lest jaċċetta li stabbilimenti kummerċjali jkollhom xi spazji pubbliċi li jistgħu jużaw, fejn is-sit jippermetti, il-biċċa l-kbira tal-poplu huwa rrabjat għall-mod kif dawn l-ispazji qegħdin jinbelgħu kollha kemm huma b’okkupazzjoni bla rażan”.
Huwa qal li n-nies qegħdin iħossuhom abbandunati mill-awtoritajiet u li l-infurzar li ġieli jsir “fil-prattika, m’għandu ebda saħħa”. Callus insista li, “b’hekk ir-regħba tibqa’ tkaxkar kollox. L-eżempji tagħha huma ħafna. It-toroq tal-Belt Valletta spiċċaw geġwiġija bla tmiem ta’ mwejjed, siġġijiet, qsari u tined bin-nies mexjin ikollhom jitrassu kollha kemm huma f’passaġġi żgħar li bilkemm tista’ tgħaddi minnhom”.
“Kif rajna dan l-aħħar f’numru ta’ filmati differenti, lanqas ambulanza ma tista’ tgħaddi f’każ ta’ emerġenza minħabba l-okkupazzjoni salvaġġa ta’ kull rokna tal-Belt Valletta. F’ħafna lokalitajiet oħra, is-sitwazzjoni wkoll qiegħda tiddeterjora. Ħares lejn Tas-Sliema, il-Gżira, ix-xatt ta’ Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Marsalforn, ix-Xlendi, il-Mellieħa, fost ħafna oħrajn. Fil-Kottonera, saħansitra bankijiet pubbliċi ġew maħtufa mill-istabbilimenti kummerċjali billi dawrulhom magħhom l-imwejjed u s-siġġijiet”.
Dan l-attivist jemmen li dan kollu huwa nuqqas ta’ rispett lejn il-poplu u ddikjara li mhuwiex aċċettabbli. Ġibed l-attenzjoni li l-effett ta’ dan kull huwa partikolarment ta’ inkonvenjent għal ċertu gruppi ta’ persuni fis-soċjetà bħal dawk b’diżabilità, l-anzjani jew persuni bit-tfal; nies li l-moviment tagħhom fit-toroq u l-pjazez tagħna diġà huwa iktar ikkumplikat minn ta’ ħaddieħor.
“Għal ċertu persuni minn dawn il-gruppi, saret litteralment impossibbli li joħorġu minn djarhom għax ma jistgħux jiċċaqalqu f’dan il-labirint ta’ strutturi kummerċjali fuq art tal-poplu,” kompla Callus.
Talbiet għal tisħiħ tal-liġi attwali, infuzar serju u trasparenza
Ħames xhur ilu Graffitti nedew il-kampanja “Il-Bankini taċ-Ċittadini” u bħala l-ewwel pass ressqu numru ta’ proposti. Fil-protesta tal-bieraħ immarċjaw fit-toroq tal-Belt Valletta waqt l-ikla ta’ nofsinhar fejn għaddew minn uħud tal-aktar toroq affettwati fejn l-aċċess sigur u bla xkiel għan-nies “huwa prattikament ineżistenti”.
Id-diversi talbiet tal-għaqdiet tar-residenti, li ġejjin mill-aktar lokalitajiet affettwati, jinkludu tisħiħ tal-liġi attwali, infurzar serju u trasparenza fil-mod kif jingħataw il-permessi għal okkupazzjoni ta’ art pubblika.
L-għaqdiet tar-residenti parteċipi f’din il-protesta kienu Għaqda Residenti Slimiżi, Residenti Beltin, Marsaskala Residents Network, Azzjoni Tuna Artna Lura, Residenti Melliħin, Residenti San Pawl il-Baħar u Marsaxlokk Heritage Group.
Dan is-sit mar fuq il-post biex jara l-atmosfera ta’ din il-protesta. Persuna li tkellmet magħna spjegat li, “jiena ġejt nipprotesta għax nemmen li l-ispazju pubbliku għandu jibqa’ jitgawda mill-pubbliku u mhux jintuża għal skop ta’ kummerċ. Jien li noqgħod San Pawl il-Baħar, ma nippretendiex li meta mmur il-baħar għandi bilfors nikri deckchair għax spazju bilkemm fadal imkien fejn toqgħod. Nappella wkoll lill-awtoritajiet biex iħarsu wkoll lejn il-fatt li ambulanza ħafna mid-drabi qiegħda tispiċċa bil-problemi biex tgħaddi minn ċertu toroq fil-Belt Valletta”.
Min-naħa tiegħu l-attivist Andrè Callus temm jgħid li, “s’issa, dawn il-proposti ntlaqgħu bi skiet mill-awtoriajiet. Jidher li għad m’hemm ebda rieda li tiġi mrażżna r-regħba u li jitħarsu d-drittijiet tal-poplu. Iżda aħna mhux se nħalluhom jinjorawna. Ċerti li l-komunitajiet differenti madwar Malta u Għawdex se jqawwu l-azzjonijiet tagħhom kontra din is-serqa u eventwalment ikollha tittieħed azzjoni konkreta”.