Monday, December 23, 2024

Protesti f’Kherson wara li waqgħet f’idejn ir-Russi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Protesti kontra l-okkupazzjoni Russa seħħew f’Kherson, l-ewwel belt kbira tal-Ukrajna li waqgħet f’idejn ir-Russi. Madwar 2,000 persuna mxew miċ-ċentru tal-belt, ixejru bnadar u jkantaw l-innu nazzjonali Ukren.

Id-dimostranti bdew jgħajtu “Russi morru d-dar” u “Kherson hija l-Ukrajna.” Kherson, port ewlieni fuq il-Baħar l-Iswed u x-xmara Dnieper, waqgħet f’idejn it-truppi Russi aktar kmieni din il-ġimgħa. 

Filmati tal-protesta fuq il-midja soċjali juru truppi Russi jisparaw fl-ajru biex jiskoraġġixxu lill-folla. Resident lokali li tkellem mal-BBC qal li l-protesta kienet “marċ għal-libertà u l-indipendenza tal-Ukrajna.” 

Meta mistoqsi jekk il-forzi Ukreni kinux qed jippruvaw jieħdu lura Kherson, huwa qal: “kull lejl nisimgħu bejn sitta u għaxar splużjonijiet. Ma nafux min qed jibbumbardja lil min. Qed nippruvaw ma noħorġux barra għax it-truppi Russi qed iwaqqfu l-karozzi u jiċċekkjaw min hemm fihom. Saħansitra qed jiċċekkjaw il-mobiles, biex ifittxu evidenza li tista’ tgħin lill-armata Ukrena.”

Sadanittant, fl-10 jum tal-invażjoni, il-Ministru tad-Difiża Russu qal li kienu nfetħu kurituri umanitarji biex iċ-ċittadini jitilqu mill-ibliet ta’ Mariupol u Valnovakha, li jinsabu taħt assedju.

Madankollu, l-awtoritajiet Ukreni qalu li r-Russja ma kinitx qiegħda tosserva dan il-waqfien mill-ġlied u l-attakki qegħdin ikomplu, għalhekk l-evakwazzjonijiet tal-massa kellhom jiġu posposti.

Ekonomija

Sport