Saturday, May 4, 2024

Protesti kbar ġewwa Kuba

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra li qiegħed jgħix fiha l-poplu Kuban, xi forma jew oħra ta’ reazzjoni mill-poplu kontra r-reġim Komunista kienet ilha mistennija. Però, minħabba l-fatt li l-protesti f’dan il-pajjiż huma illegali, kif ukoll minħabba r-ripressjoni li kemm-il darba ġiet użata mill-Gvern sabiex tiġi mrażżna kull forma ta’ oppożizzjoni, l-okkażjonijiet fejn il-Kubani ħarġu jipprotestaw huma ftit ħafna.

Huwa proprju għalhekk li ftit huma dawk li kienu qegħdin jistennew dak li ġara ġewwa Kuba fl-10 ta’ Lulju li għadda. Eluf kbar ta’ nies ħonqu t-toroq ta’ numru kbir ta’ bliet jipprotestaw kontra l-Gvern minħabba diversi kwistjonijiet li qegħdin jagħmlu l-ħajja tal-maġġoranza ta’ kważi 12-il miljun ruħ li jgħixu ġewwa din il-gżira ferm diffiċli. 

Probabbilment, dawn kienu l-akbar protesti li saru f’dawn l-aħħar 60 sena li dan il-pajjiż ilu taħt it-tmexxija Komunista wara li fl-1959 kienet saret ir-rivoluzzjoni mmexxija minn Fidel Castro u li fiha kien twaqqa’ l-gvern ta’ Fulgencio Battista li kien alleat tal-Istati Uniti.

Minkejja li Miguel Diaz-Canel, il-President Kuban, li huwa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista, rega’ uża r-retorika li konna mdorrijin nisimgħu mill-aħwa Fidel u Raul Castro, iż-żewġ predeċessuri tiegħu, kull meta l-Gvern Kuban ikun jaffaċċja xi kriżi, jiġifieri dik li l-protestanti huma merċenarji tal-Istati Uniti, fil-verità, wara dawn il-protesti hemm tliet raġunijiet ewlenin.

Il-Covid-19

Fuq quddiem nett tal-lista tal-affarijiet li wasslu lill-Kubani fix-xifer tal-paċenzja hemm il-mod ta’ kif il-gvern tagħhom qiegħed jaffronta l-pandemija. Minkejja li fl-2020, il-Gvern Kuban kien rażżan l-imxija tal-virus b’mod efficjenzi, jidher li fis-sena li qegħdin fiha tilef il-kontroll. Għalkemm il-figuri uffiċjali tal-Ħadd li għadda ta’ 6,750 każ ta’ infezzjonijiet u 31 mewt ikkaġunati mill-Covid-19 jidhru li huma aċċettabli ħafna, il-fatti juru li dawn m’huma realistiċi xejn. Fil-fatt, bħalissa tant qed ikun hemm każi godda kuljum li s-sistema tas-saħħa kkollassat. Il-poplu qiegħed jeħodha kontra l-Gvern minħabba li minkejja l-ftaħir li l-pajjiż żviluppa l-vaċċin tiegħu dan mhux qiegħed ikun disponibbli għal kulħadd. Il-poplu jinsab irrabjat ferm għall-Gvern minħabba li anke fil-każ tal-pandemija daħħal il-politika għaliex irrifjuta li jixtri l-vaċċini li ġew żviluppati mill-pajjiżi tal-punent. Dan kollu wassal sabiex il-programm ta’ vaċċinazzjoni waqa’ lura ħafna. Fil-fatt, bħalissa jingħad li huma biss madwar 16% tal-Kubani li ġew vaċċinati kompletament.

L-ekonomija

Wara li diġa’ kienet ġiet milquta bil-kbir minħabba ż-żieda fis-sanzjonijiet minn Trump, l-ekonomija Kubana kompliet togħdos ‘l isfel minħabba t-telf tad-dħul mit-turiżmu, minħabba l-pandemija.

Minflok ma pprova jnaqqas it-tensjoni mal-Istati Uniti, il-gvern Kuban irritalja kontra s-sanzjonijiet billi ordna lill-banek lokali sabiex ma jaċċettawx dollari Amerikani fit-tranżizzjoniet taghhom. Dan laqat b’mod negattiv ħafna lil mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini li jirċievu donazzjonijiet mingħand qraba tagħhom li jgħixu fl-Istati Uniti. 

Dan kollu wassal għal inflazzjoni kbira li kaġun tagħha għolew bil-kbir il-prezzijiet. Rapporti li dehru f’ġurnal mill-Amerikana Latina qed jgħidu li l-prezzijiet għolew bejn 500% u 1000%. Il-ħwienet li jbigħu affarijiet essenzjali għall-ħajja, bħall-ikel u mediċinali, spiċċaw bl-ixkaffi vojta. Naturalment dan wassal għal nuqqas ta’ ikel għall-familji. Tant hemm nuqqas ta’ ikel li fuq il-media soċjali qegħdin jiġu ppowstjati ħafna suġġerimenti ta’ kif wieħed jista’ jillapazza għan-nuqqas ta’ ingredjenti. Pereżempju, bħalissa minħabba n-nuqqas fil-provvista tad-dqiq, in-nies qegħdin jaħmu l-ħobż biż-żerrieħa tal-qara ħamra. Fattur ieħor li wassal lin-nies sabiex joħorġu jipprotestaw huwa l-qtugħ kostanti fil-provvista tal-elettriku.

Din kienet it-tieni darba li rajna lill-poplu Kuban jipprotesta bil-kbir minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż. Il-każ ta’ qabel kien sar lura fl-1994, wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika li naturalment, minħabba l-ideoloġiji simili taż-żewġ pajjiżi kienet tgħin bil-kbir lil Castro. Però, dik il-ħabta, il-protesti kienu saru biss fil-kapitali Havana minħabba li dak iż-żmien ma kienx hemm l-internet.

L-internet

Meta kien ħa t-tmexxija ta’ pajjiżu mingħand ħuh Fidel, Raul Castro kien ipprova jiftaħ lis-socjetà billi introduċa l-internet fil-pajjiż. Probabbilment, wara dak li ġara ftit tal-jiem ilu, Raul, li llum jgħodd aktar minn 90 sena, qiegħed jiddispjaċih bil-kbir b’dak li kien għamel. Dan għaliex il-protesti tal-10 ta’ Lulju mxew madwar il-pajjiż kollu permezz ta’ koordinazzjoni bl-internet. Dan minbarra l-fatt li l-internet issa ilu s-snin jintuża mill-Kubani ta’ kontra r-reġim sabiex iwasslu l-messaġġi tagħhom lin-nies. 

Tant kienet b’saħħitha l-kontribuzzjoni tal-internet f’dawn il-protesti li l-President Diaz, wara li ttimbra l-media soċjali bħala “l-għedewwa tar-rivoluzzjoni”, ordna li jintefa’ l-internet madwar il-pajjiż kollu. Biss, dan sejjer jolqot ħażin ħafna lill-Gvern minħabba li sejjer ikun qiegħed jitlef id-dħul ta’ madwar 80 miljun dollaru Amerikan ta’ kull xahar, li ddaħħal il-kumpanija governattiva li tieħu ħsieb l-internet.

Wara l-protesta

Kif kien mistenni, il-Gvern irreaġixxa b’mod goff sabiex waqqaf lill-protesti. Jingħad li wara li ġew sparati ħafna bullets tal-lastiku waqt il-protesti, ġew arrestati mijjiet ta’ nies li dehru jipprotestaw. Barra minn hekk, it-toroq tal-ibliet ewlenin bħalissa huma mimlija nies tas-servizzi sigrieti li qegħdin jiġbru lil kull min jidhrilhom.

L-effetti ta’ dawn il-protesti għadhom iridu jiġu analizzati wara li jgħaddu ftit jiem oħra. Kollox jiddependi kemm il-Gvern immexxi minn Diaz sejjer jirnexxielu jikkalma lin-nies bil-kelma t-tajba. Però, bħalissa ma tantx għandu minn fejn iroxx il-qamħ u għalhekk it-tattika li jixtri l-ubbidjenza tal-poplu ma jidhirx li hija vijabbli.

Sport