Eluf ta’ dimostranti inġabru waqt il-funeral statali għall-ex Prim Ministru tal-Ġappun Shinzo Abe li nqatel b’tiri ta’pistola f’Lulju li għadda. Mexxejja minn madwar id-dinja kienu f’Tokjo biex jagħtu l-aħħar tislima lil Abe li kien l-iktar prim ministru tal-pajjiż li dam fil-kariga.
Id-dimostranti ħarġu fit-toroq jipprotestaw kontra l-ispiża kbira involuta għall-funeral statali ta’ Abe u għax il-pajjiż uża riżorsi prezzjużi tal-istat li setgħu jkunu diretti lejn bżonnijiet aktar urġenti.
Il-funerali tal-istat huma normalment riżervati għall-Familja Imperjali tal-Ġappun iżda Abe ingħata dan l-unur bħala l-aktar prim ministru fil-pajjiż li dam iservi.
Abe, tli kellu 67 sena, ġie maqtul waqt rally elettorali f’Lulju li għadda fejn il-pulizija ammettiet id-difetti fil-protezzjoni mogħtija lil Abe. Huwa baqa’ jissemma għall-alleanzi li ssawwar biex iwieġeb għall-qawwa dejjem tikber taċ-Ċina u għamel bidliet kbar u mhux popolari fil-kostituzzjoni paċifista tal-Ġappun.
Għall-funeral ġew skjerati 20,000 uffiċjal tal-pulizija, iżda minkejja l-għadd kbir ta’ membri tal-forzi tal-ordni, id-dimostranti baqgħu għaddejjin bil-protesta jopponu l-ispiża. Madankollu l-funeral mexa bla xkiel. Aktar minn 4,000 persuna inklużi madwar 50 mexxej dinji attwali u preċedenti attendew għaċ-ċerimonja.
Kien hemm ritratt kbir ta’ Abe mdendel u għadd ts’ nbukketti ta’ fjuri li wħud minnhom kienu rranġati fid-disinn tal-bandiera Ġappuniża. L-armla tiegħu, Akie Abe ġabet l-irmied tiegħu u tpoġġew fiċ-ċentru tas-santwarju.
Tislima militari kienet segwita minn mument ta’ silenzju filwaqt li ntwera filmat retrospettiv tal-ħajja politika ta’ Shinzo Abe. Diversi persunaġġi politiċi faħħru l-politika li mexxa Shinzo Abe fosthom il-prim ministru attwali Kishida u l-eks prim ministru Suga. Fid-diskorsi tagħhom enfasizzaw il-wirt globali ħalla Abe.
Aktar qabel, aktar minn 10,000 ruħ qagħdu fil-kju madwar il-post biex iqiegħdu l-fjuri f’siti pubbliċi. Ħafna stennew fi kjuwijiet sa tliet sigħat