Tuesday, April 30, 2024

IL-VUĊI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FID-DEMOKRAZIJA

Aqra wkoll

Ir-rwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà mhux biss huwa kruċjali imma hu essenzjali għas-saħħa demokratika fil-pajjiż. Iż-żgħażagħ huma l-ġenerazzjonijiet li għada jridu jmexxu lil pajjiżna bi ħsibijiet u ideat aktar friski. Għalhekk huwa tajjeb li l-vuċi taż-żgħażagħ tibqa’ tiġi mismugħa. 

F’pajjiżna dan il-fatt ilna li għarafnieh u xhieda ta’ dan huma l-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma attivi fil-ħajja tas-soċjetà tagħna. Mhux dan biss, imma wkoll l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament għaraf ukoll dan il-prinċipju.

Tant hu hekk illi saret tradizzjoni li jitlaqqa’ f’sessjoni straordinarja l-Parlament taż-Żgħażagħ biex dawn isemmgħu leħinhom u ħsibijiethom dwar dak kollu li għaddej jew għad irid jiġri f’pajjiżna. Fil-fatt is-sessjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena, li saret ilbieraħ, dawk preżenti esprimew diversi fehmiet li jolqtuhom iżda d-diskussjoni tagħhom iffokat l-aktar jekk pajjiżna għandux idaħħal jew le l-abort.

Suġġett delikat ħafna li jolqot il-kuxjenza ta’ dak li jkun. Verament li Malta huwa l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tipprojbixxi l-abort kompletament b’leġiżlazzjoni stretta. Madankollu nifhmu li dan hu suġġett li għandu jiġi diskuss bl-aktar mod ħieles f’pajjiżna. 

Dan ma jfissirx li aħna favur l-abort altru minn hekk imma jkun tajjeb illi suġġetti delikati bħal dawn jittellgħu fuq l-aġenda, almenu ssir diskussjoni dwarhom biex jiġi magħruf x’inhi l-aħjar għaċ-ċittadini kollha. 

Pajjiżna jixraqlu kull tifħir li għaraf il-potenzjal taż-żgħażagħ tant li mhux biss issa jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, imma wkoll f’elezzjonijiet ġenerali tant li l-età biex wieħed jivvota niżlet minn 18 għal 16. Dan huwa sinjal ċar li pajjiżna jagħti kas ta’ dak li għandha xi tgħid il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Dan jawgura tajjeb għal ġejjieni aħjar ta’ pajjiżna. Nittamaw li ż-żgħażagħ jibqgħu jsibu l-kuraġġ biex jesprimu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom fuq dak kollu li jolqothom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. B’hekk mhux biss jawgura tajjeb għall-ġejjieni ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna imma wkoll għat-tisħiħ lejn demokrazija sostenibbli. 

Sport