Tuesday, December 24, 2024

Protezzjoni għad-drittijiet tal-persuni minn 80 sena ‘l fuq

F’Malta għandna aktar minn 22,000 anzjani f’din il-faxxa… ammont li mistenni jittrippla fit-30 sena li ġejjin

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-popolazzjoni tal-persuni li għandhom aktar minn 80 sena f’Malta preżentament hija ta’ 22,183 u fit-30 sena li ġejjin huwa stmat li dan l-ammont jitrippla. Din iż-żieda hija grazzi għal kwalità ta’ għixien aħjar u sistemi li jsostnu tali popolazzjoni.

Pajjiżna huwa minn ta’ quddiemnett fil-kura tal-anzjani fejn dejjem jara kif jista’ jtejjeb u jgħin lil dan is-settur tant għażiż għalina. Fil-fatt, f’dawn il-ġranet għadha kemm tħabbret l-Istrateġija Nazzjonali għall-Politika dwar l-Anzjanità Attiva għas-seba’ snin li ġejjin, liema strateġija għandha l-għan ewlieni li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni kbar sew fl-età.

Minn studju li sar għall-Politika Strateġika għall-anzjanità Attiva mill-Professur M. Formosa l-popolazzjojni fost il-persuni ta’ bejn it-80 u d-89 sena hija ta’ 18,976 li minnhom 7,560 huma rġiel mentri 11,416 huma nisa. Fejn jirrigwarda persuni ta’ 90 sena ‘l fuq għandna 984 irġiel u 2,223 nisa b’total ta’ 3,207.

L-Istrateġija Nazzjonali għall-Politika dwar l-Anzjanità Attiva 2023-2030 ġiet imħabbra mill-Ministru Jo Etienne Abela fejn spjega li se tkun qiegħda tiġġieled kull tip ta’ diskriminazzoni minħabba l-età, l-abbuż, l-esklużjoni soċjali u s-solitudni. Din se tkun katalista għall-proċessi ta’ kura tal-aqwa livell fis-soċjetà.

Dan japplika kemm għal każijiet fejn ikun hemm bżonn ta’ kura akuta, kif ukoll dawk li jkollhom bżonn ta’ dan is-servizz fil-komunità stess.
Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-istrateġija huma msejsa fuq tliet objettivi prinċipali li jindirizzaw:

  • L-inklużjoni soċjali;
  • L-għixien san u b’saħħtu ta’ persuni kbar fl-età; u
  • It-temi tad-diversità u l-inugwaljanza fost din il-faxxa ta’ età.

Fil-fatt, din l-istrateġija tindika b’mod ċar il-miżuri li għandhom jittieħdu għa kull tema msemmija flimkien mal-inizjattivi li hemm bżonn biex dawn il-miżuri jiġu attwati fis-seba’ snin li ġejjin.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Abela enfasizza li, “ħarisna lejn dan is-suġġett b’mod ħolistiku biex hekk għandna pjan ta’ fejn irridu naslu. Fis-snin li ġejjin, jiġifieri sal-2030, dawn il-miżuri li ħdimna fuqhom iridu jitwettqu bl-aqwa mod”.

Fost it-temi ewlenin fit-tliet objettivi msemmija hemm fost l-oħrajn is-sigurtà finanzjarja, l-għexjien indipendenti, it-transizzjoni għall-perjodu tal-irtirar, in-nutrizzjoni għall-persuni kbar fl-età, ix-xjuħija fil-faċilitajiet korrettivi u l-aċċess għall-ġustizzja.

Il-Ministru Jo Etienne Abela temm jgħid li, “inħares ’il quddiem biex din l-istrateġija tħalli impatt pożittiv favur id-dinjità u l-awtonomija ta’ persuni kbar fl-età f’pajjiżna, li huma l-ġawra li tant taw lil pajjiżna fl-imgħoddi”.

Ekonomija

Sport