Qabelxejn, iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-politika.
Kienet esperjenza sabiħa li għallmitni ħafna. L-ewwel nett tgħallimt għax laqqgħatni ma’ ħafna nies ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja f’qasir żmien illi kieku impossibli tiltaqa’ magħhom f’tul ta’ ħajja. Aħna bħala tobba nkunu ‘protetti’ ħafna, qisna ġo bozza u għalhekk għalija l-politika kienet esperjenza unika li jekk ma tagħmilhiex, ma tista’ qatt timmaġinaha.
Kont fortunat li ffurmajt parti minn Moviment Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat li għamel ġid ma’ kulħadd minn kull qasam li għadu jinħass sal-lum. Moviment li ġabar ħafna nies validi …. kull min ried jaħdem b’għan wieħed li nagħmlu l-ġid lil Malta u l-Maltin.
Kont fortunat li għamilt parti mill-ewwel kabinett ta’ Dr Joseph Muscat li jibqa’ Prim Ministru li biddel lil Malta u wettaq ħafna ġid.
Kont fortunat li ħdimt fil-qasam tas-settur tal-anzjani u d-diżabilitá fejn bdejna rivoluzzjoni sħiħa li kompliet sseħħ permezz tas-suċċessuri tiegħi.
Peró, min-naħa l-oħra, kelli dilemma kbira. Ma stajtx narmi l-professjoni tiegħi. Il-professjoni tiegħi hija xi ħaġa li ħdimt għaliha sa minn ċkuniti…O levels, A levels, Umiversitá ħames snin, taħriġ l-Ingilterra għal sitt snin sħaħ u wara ħafna eżamijiet u qtigħ ta’ qalb, ġejna lura Malta u bil-mod il-mod, bnejt karriera fil-qasam tal-għajnejn, fejn ħadd ma kien jafni. Ma kellix min firixli xi tapit imma l-kontra intoppi sibt u madankollu nħossni li b’operazzjoni waħda wara l-oħra, irnexxieli nagħmel isem fil-qasam.
L-għażla għalija kienet sempliċi. Bejn professjoni li hija tiegħi u l-Bambin biss jista jeħodieli u l-ministeru fil-politika li jiddependi mill-Prim Minsitru li jaħtrek u n-nies li jivvutawlek. Għażla bejn suċċess fil-professjoni li jiddependi minni biss u fil-politika li jiddependi minn nies ta’ madwari wkoll. Għażla bejn professjoni li tagħtini sodisfazzjon kbir kuljum u l-politika li fiha ħafna sabiħ, peró, ħafna mrar ukoll. Għażla bejn professjoni li tirrendi ħafna finanzjarjament u l-politika li jekk tkun onest tiftaqar u ġġibek dipendenti u forsi skjav ta’ min jgħinek. Għalija kienet “no brainer” li mmur lura għall-professjoni.
Fil-ħajja politika, kelli ħafna fatturi oħra li dejquni fosthom li minghajr ma rrid bdejt nitbiegħed mill-ħbieb onesti għax ma kellix ċans għalihom. Il-politika Maltija mhix dik li ħlomt li hi imma tirrikjedi ħafna xogħol ta’ pjaċiri li sfortunatament kemm-il darba, mhux dejjem, jirrikjedi li taġevola persuna a skapitu ta’ ħaddiehor (xi ħaġa li etikament ma stajtx inkun komdu nagħmilha) u l-familja u dawk li vera jħobbuk, ibatu ħafna.
Min-naħa l-oħra, bil-politika li twettaq, tgħin ħafna nies peró sfortunatament dan mhux il-fattur li jwassal għal suċċess personali fil-politika.
Bħala bilanċ, peró, kien pożittiv, peró, ma nimmaġinanix nagħmel ħajti fil-politika meta għandi professjoni bħal tiegħi. Kelli wisq x’nitlef!
Fil-professjoni, ir-rispett minn nies huwa ġenwin għas-servizz li tagħti, peró, fil-politika, kemm-il darba r-rispett ikun għall-pożizzjoni li jkollok għax il-votanti jarawha bħala mezz kif jaslu għal dak li jkollhom bżonn.
Tħoss in-nuqqas tagħha?
Ma nistax ngħid li le għaliex hija mezz kif tista’ tagħmel ġid komuni aħħari, però, la ma stajtx nikkombinaha mal-professjoni tiegħi ma kellix alternattiva. Qatt ma ddispjaċini għad-deċiżjoni li ħadt… li fl-elezzjoni tal-2017 bqajt l-art kienet konferma li posti mhux fil-politika.
Tqis li terġa’ tikkontesta elezzjoni ġenerali fil-futur?
Ma neskludiex li jekk inkun xbajt u għajjejt mill-professjoni tiegħi u l-Partit Laburista li tant inħobb jerġa’ jsejjaħli, naf nikkunsidraha. Peró, bħalissa mhix fil-pjanijiet tiegħi. Bħalissa erġajt dħalt l-Universitá u qed nagħmel Masters fl-Istorja li qed timlini b’entużjażmu.
Peró, jekk il-politika Maltija trid tattira nies ta’ kwalitá, hemm bżonn tinbidel ir-rata ta’ renumerazzjoni. Ma tistax tistenna professjonist li jaqla’ pereżempju 150 elf fis-sena jmur fil-politika għal 40 elf fis sena. Min jrid imur lura fl-ammont ta’ qliegħ f’ħajtu? Ħadd!
Iddeskrivi x-xogħol tiegħek bħala speċjalista tal-għajnejn.
Jiena “addicted” għall-operazzjonijiet. Kull operazzjoni tagħtini sodizfazzjon kbir u nagħmel ammonti kbar – high volume surgery.
Jiena ‘subspecialized’ fil-cornea u għalhekk nagħmel ħafna operazzjoniet differenti fil-cornea bħal LASIK, SMILE, ICRs, C3R, ICLs eċċ li jsiru biss fil privat, barra trapjanti tal-cornea. Ix-xogħol jirrikjedi ħafna paċenzja u kalma speċjalment f’sitwazzjonijiet diffikultużi. Ix-xogħol tan-nuccalijiet hu xogħol li ma jogħġobnix imma huwa diffiċli biex tfiehem lin-nies li din mhix il-linja tiegħi. In-nies ma jagħmlux differenza bejn Ophthalmic surgeon, medical ophthalmologist, optometrist u Orthoptist.
Kif għażilt li tispeċjalizza f’dan il-qasam?
Waqt li kont qed nistudja għal tabib, rajt operazzjoni tal-katarretti minn Mr Ivan Vella (kollega) u ssaħħart u bqajt sakemm speċjalizzajt. Issa għandi n-neputi qiegħed jittrenja Moorfields fuq l-għajnejn ukoll
Jekk nerga nitwieled ‘ophthalmologist’ nerġa’ mmur!
Kemm jagħmel ħsara li wieħed jagħmel ħafna sigħat quddiem il-kompjuter jew it-televixin għall-għajnejn?
Onestament, m’hemmx ħsara jekk wieħed juża għajnejh kemm għall-kompjuter kif ukoll għat-televixin. Peró, jekk tagħmel ħinijiet twal, jista’ jkollok ‘strain’ li tista’ twassal għal għejja fl-għajnejn u jkunu ftit xotti. Peró, din mhix ħsara.
Għaddi messaġġ finali lil min qed jaqra din l-intervista biex jagħti kas tal-kura t’għajnejh.
Importanti li jsiru check-ups regolari speċjalment minħabba l-glawkoma u t-tfal kollha għandhom bżonn check-up ta’ erba’ snin minħabba ‘lazy eye’. Kull min jaħdem f’ambjent ta’ periklu ta’ frak li jista’ jtir għandu jilbes nuċċali ta’ protezzjoni. Protezzjoni minn ħafna raġġi tax-xemx għandha tkun prijorità għal kulħadd!