Friday, December 13, 2024

PROTEZZJONI MINN RIKLAMI QARRIEQA

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Sabiex konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni ta’ xiri infurmata, għandu bżonn li jingħata l-informazzjoni kollha b’mod ċar. Ġialadarba r-riklamar huwa sors ta’ informazzjoni importanti, l-konsumaturi għandhom id-dritt legali li jingħataw informazzjoni tajba u korretta dwar il-prodotti jew servizzi li jkun hemm offruti għall-bejgħ.

Fil-fatt, hemm regolamenti speċifiċi li jipproteġu lill-konsumatur li jipprojbixxu lin-negozjanti milli jagħmlu dikjarazzjonijiet fir-reklami li mhumiex veri jew li bihom jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi. Li titħalla barra informazzjoni importanti hija wkoll ikkunsidrata bħala prattika qarrieqa u għalhekk hi ipprojbita.

Ir-reklamar qarrieqi hu ipprojbit f’kull tip ta’ kommunikazzjoni li tintuża’ sabiex wieħed jippromwovi l-prodotti jew servizzi li jkun qed joffri. Ir-regolamenti jkopru t-tranżazzjonijiet kollha bejn il-bejjiegħa u l-konsumaturi, kemm offlajn kif ukoll onlajn.

Il-projbizzjoni ta’ reklami qarrieqa hija teknoloġikament newtrali u għalhekk tapplika irrispettivament mill-mezz jew apparat użat sabiex isir xi tip ta’ kummerċ bejn bejjiegħ u konsumatur. Għaldaqstant ir-regolamenti jistgħu jiġu applikati, iżda mhumiex limitati, għal riklami stampati u riklami diġitali li jinkludu websajts u pjattaformi tal-midja soċjali. Din tkopri wkoll stqarrijiet magħmula minn manifatturi, distributuri, bejjiegħa bl-ingross u bejjiegħa bl-imnut.

Bis-saħħa tal-liġi tal-konsumatur, in-negozjanti ma jistgħux jagħmlu talbiet foloz dwar prodotti jew servizzi meta jipprovdu informazzjoni dwar il-benefiċċji, id-disponnibiltà, il-kompożizzjoni jew il-prezz. Barra minn hekk, il-liġijiet li jipproteġu lill-konsumatur jipprovdu lista ta’ prattiċi speċifiċi li huma meqjusa awtomatikament qarrieqa u għalhekk illegali. Uħud minn dawn il-prattiċi huma:

  1. Sitwazzjoni fejn il-bejjiegħ jirreklama prodott jew servizz li qatt ma jkun ser jipprovdi. Għall-kuntrarju, l-għan ikun li jbiegħ prodott differenti li ħafna drabi jkun iktar għoli.
  2. Offerti b’xejn foloz. Dan normalment iseħħ meta konsumaturi jkollhom jagħmlu xi tip ta’ ħlas sabiex jirċievu l-offerta b’xejn. Meta jsiru dawn it-tip ta’ offerti, l-unika spejjeż li l-konsumaturi għandhom jiġu mitluba jħallsu huma spejjeż inevitabbli, bħall-spiża tar-rispons għall-offerta u l-ispiża reali tal-merkanzija jew tal-kunsinna. Apparti minn hekk, dawn l-ispejjeż għandhom jiġu iddikjarati b’mod ċar permezz tar-riklam li jkun qed jippromwovi l-offerta.
  3. Talbiet mhux sostanzjali. Dan jirreferu għall-diversi benefiċċji li l-bejjiegħa jsostnu li l-prodotti ser jipprovdu lill-konsumaturi, iżda dawn il-benefiċċji qatt ma jkunu ġew ippruvati. Dawn jinkludu informazzjoni falza dwar l-abbiltà tal-prodott li jfejjaq ċertu mard, disfunzjonijiet jew malformazzjonijiet.
  4. Offerti limitati foloz. Din iseħħ meta l-bejjiegħ jippretendi li l-prodott ser ikun disponibbli biss għal żmien limitat, iżda dan ma jkunx minnu. Permezz ta’ din it-tattika, il-bejjiegħ iwassal lill-konsumatur biex jieħu deċiżjoni malajr u ma jkollux l-opportunità jew ħin biżżejjed biex jagħmel deċiżjoni infurmata. Huwa pprojbit ukoll li n-negozjanti jsostnu b’mod falz li daqt jagħlqu n-negozju.

F’każ ta’ ilmenti transkonfinali huwa ikkunsidrat qarrieqi li n-negozjant jagħti l-impressjoni li s-servizz ta’ wara l-bejgħ hu disponibbli fi Stat ieħor Membru tal-Unjoni Ewropea meta fil-verità ma jkunx. In-negozjanti huma pprojbiti wkoll li jagħtu l-impressjoni falza li ma jkunux qed jaġixxu bħala negozjanti, iżda minflok jippreżentaw lilhom infushom bħala konsumaturi.

F’każ li l-konsumaturi jiltaqgħu ma’ prattiċi kummerċjali inġusti, dawn jistgħu jirrappurtaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur billi jċemplu fuq il-freephone 80074400 jew billi jimlew il-formola tal-Flag a Concern minn fuq il-websajt tal-MCCAA: www.mccaa.org.mt

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.

Ekonomija

Sport