Saturday, May 4, 2024

PSG huma insult għall-football … jgħid il-president ta’ La Liga

Aqra wkoll

La Liga Spanjola qed tikkunsidra li tressaqt ilment lill-UEFA kif ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi u tal-Unjoni Ewropea wara li l-attakkant internazzjonali Franċiż, Kylian Mbappe, ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Paris St-Germain wara li kienet kważi ċerta li kien se jingħaqad ma’ Real Madrid. 

“Dan it-tip ta’ ftehim jhedded is-sostenibbiltà ekonomika tal-football Ewropew,” taqra stqarrija ta’ La Liga, li żiedet tgħid li tpoġġi “mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi u integrità sportiva f’riskju fuq terminu medju, mhux biss mill-kompetizzjonijiet Ewropej, iżda wkoll mill-kompetizzjoni domestiċi tagħna”.

PSG kienu offrew lil Mbappe ħlas ta’ €150 miljun għall-firma biex iżommuh għal tliet staġuni oħra.

Hu kien ftiehem pakkett finanzjarju ma’ Real xhur ilu għal bidla potenzjali fi Spanja, iżda ddeċieda li ma jingħaqadx mat-team ta’ Carlo Ancelotti.

Bil-kuntratt tiegħu jispiċċa f’Ġunju, il-club tal-Qatari kien iddisprat li jżommu u kienu lesti li joffru lill-player salarju annwali nett ta’ £21 miljun.

Javier Tebas, president ta’ La Liga ta’ Spanja, kien avversarju kbir ta’ clubs Ewropej li jonfqu ħafna bħal PSG u Manchester City.

F’post fuq il-midja soċjali, huwa qal: “Dak li se jagħmlu PSG billi jġeddu lil Mbappe b’ammonti kbar ta’ flus wara li fl-aħħar staġuni tilfu €700 miljun u għandhom aktar minn €600 miljun f’pagi, huwa insult għall-football.”

Tebas żied ukoll li l-president Al-Khelaifi, “huwa perikoluż daqs is-Super League”.

La Liga qalet li PSG “mhux qed jirrispettaw ir-regoli” u tennew ħafna mill-akkużi li saru mill-president Tebas.

Sadanittant, Mbappe nforma lill-president ta’ Real Madrid, Florentino Perez, bid-deċiżjoni tiegħu li se jibqa’ ma’ Paris St-Germain permezz ta’ messaġġ li fih qallu: “Ninfurmak li ddeċidejt li nibqa’ ma’ PSG. Irrid nirringrazzjak talli tajni l-opportunitá li nilgħab ma’ Real Madrid, il-club li ilni partitarju tiegħu mindu kont tifel.”

Sport