Friday, May 3, 2024

Psikjatra bi proposta ta’ taħriġ obbligatorju għall-professjonisti li jmissu ma’ persuni li jidħlu l-Qorti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Crisis Resolution Malta qiegħda tippjana li titkellem mal-awtoritajiet biex darba fis-sena jibdew jittellgħu seminars u lectures flimkien ma’ taħriġ obbligatorju għall-professjonisti li jmissu ma’ persuni vulnerabbli inklużi dawk li jħabbtu wiċċhom mal-qorti. Ħabbar dan il-Kap tal-Crisis Team, Dott. Mark Xuereb meta mistoqsi x’impatt psikoloġiku jista’ jkun hemm għall-persuni li jkollhom każ sensittiv fil-Qorti.

Ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm każ fejn kellha titħassar sentenza ta’ disa’ snin ħabs minħabba li ma tniżżlitx id-data ta’ meta ngħatat l-istess sentenza. Minħabba żball fil-proċeduri jista’ jkun il-każ li jerġa’ jsir is-smigħ mill-ġdid u dan b’possibbiltà ta’ detriment għal dawk involuti.

Dott. Mark Xuereb beda biex qalilna li, “jien nixtieq li ta’ kull sena jkun hemm lecturers, diskussjonijiet u seminars għall-istakeholders kollha involuti biex isir assessjar ta’ riskju speċifiku u xjentifiku kemm għall-vittmi, għall-qraba, kif ukoll għall-allegat imputati jew agressuri u l-qraba tagħhom.

Dan ikun proċess dinamiku ffondat fuq riċerka attwali u linji gwida internazzjonali fejn imbagħad nagħmlu l-linji gwida tagħna li jsir bi sħubija mal-Università tad-Dipartiment tal-Liġi, dak tal-Mediċina, Psikoloġija u Psikjatrija, Social Wellbeing, kif ukoll mad-Dipartiment tal-Ġustizzja u dak tas-Saħħa”.

Dott Xuereb, mingħajr ma daħal fil-każ partikolari, b’mod ġenerali qal li jaf li minn riċerka li saret, min ikun qiegħed jistenna sentenza, min jidħol il-qorti, min joħroġ bil-libertà kundizzjonata, jew min jidħol fis-sistema ġuridika jew forensika, diġà jkunu f’riskju ta’ ansjetà, dipressjoni u saħansitra suwiċidju. Dan kemm min-naħa ta’ min huwa akkużat, kif ukoll min-naħa tal-vittma u l-qraba tagħhom.

Element li jqanqal ċertu inkwiet u ansjetà akbar

“Għalihom din hija kriżi kontinwa. Il-fatt li jkun hemm xi problemi fis-sistema jew fil-proċedura, ovvjament ikun hemm element li jqanqal ċertu inkwiet u ansjetà akbar. Ma ninsewx li ħajjet dawn in-nies tkun ta’ kuljum ikkundizzjonata fuq x’se jiġri meta fost l-oħrajn ikun hemm is-seduta li jmiss u appuntamenti mal-avukati. Forsi anke meta jidhru xi pubblikazzjonijiet fuq il-gazzetti jew issir referenza fil-midja soċjali dwar il-każ tagħhom b’mod dirett jew indirett, kif ukoll dwar każijiet oħra li dejjem ifakkruhom minn dak li jkunu għaddejjin minnu huma. Jista’ jkun ukoll li dawn ikollhom Post Traumatic Stress Disorder (PTSD) kroniku,” spjega l-psikjatra. 

Dott. Xuereb speċifika li wieħed jista’ jifhem li dawn il-każijiet jinvolvu ħafna nies mir-reġistrar tal-Qorti, l-iskrivani, għat-tim tal-avukati, il-prokuratur legali u jinvolvu forsi anke l-Pulizija. “Minn hawn irrid ngħaddi ħajr lil dawn il-professjonisti kollha li jaħdmu u jagħmlu mill-aħjar li  jistgħu biex il-proċess ikun aġevoli kemm jista’ jkun mingħajr intoppi. Sfortunatament, għax aħna umani, żbalji ġenwini jsiru. Żbalji li mhux b’intenzjoni jistgħu jikkawżaw ħafna wġigħ psikoloġiku,” kompla l-Kap tal-Crisis Team.

Taħriġ, sistemi ta’ ċċekkjar doppju u monitoraġġ

Dott. Xuereb qal li żbalji jsiru imma ma jseħħux daqshekk ta’ spiss. “Għalhekk huwa importanti t-taħriġ tal-uffiċjali li jaħdmu fil-Qorti li għandhom x’jaqsmu mal-qasam legali u forensiku, kif ukoll sistemi ta’ monitoraġġ u ċċekkjar ta’ xogħol minn aktar minn persuna waħda. Ikollok sistema li biha tagħmel xogħlok iżda ta’ fuqek jiċċekkja li kollox sew”. 

Huwa qal li hekk jiġri meta persuna tmur tieħu X-Ray jew MRI fejn ikollok it-tabib tal-għassa li jagħmel ir-rapport tiegħu fuq dak li qiegħed jara però, imbagħad jerġa’ jiġi kkonfermat mis-superjur tiegħu biex wieħed jiċċekkja fuq l-ieħor. “Dan mhux biex wieħed jakkuża. Din hija prevalenti fid-dinja tal-ajruplani fejn il-bdoti u l-istaff huma mħeġġa li jirrapporta xi problemi fis-sistema.

Din ma ssirx b’filosofija akkużatorja li noqgħod nakkuża imma, biex intejjeb is-servizz għax fil-każ tal-mediċina u l-avjazzjoni, inkunu qegħdin insalvaw il-ħajjiet. F’każijiet il-Qorti nkunu qegħdin nipprevjenu u nsalvaw minn uġigħ psikoloġiku li jista’ jħalli impatt tul il-ħajja kollha. Immaġinaw li minħabba żball tal-pinna, il-proċeduri jkunu jridu jergħu jibdew. Trid terġa’ tiftaħ il-ferita,” wissa l-psikjatra. 

Tliet persuni fix-xahar jidħlu fi kriżi…

Crisis Resolution Malta fil-fatt, jaraw ħafna nies li jiġu fi kriżi meta jmissu mal-kamp ġuridiku. Speċifika li, “naraw madwar tlieta kull xahar li jidħlu fi kriżi appuntu minħabba dawn it-tip ta’ problemi – jew żball ta’ pinna, jew qegħdin jersqu lejn id-data tal-qorti, jew għadu kemm ħareġ l-esodu tal-qorti, jew ingħataw xi piena u qegħdin jappellawha, sentenza ħabs eċċ”. 

Hawn Dott Xuereb enfasizza li m’għandniex niġru biex niġġudika għax jista’ jkun li jkunu żbalji ġenwini. Dan mingħajr ma wieħed inaqqas mis-serjetà u l-gravità tas-sitwazzjoni. Allura, x’inhuma l-proposti minn dan?

Dott. Xuereb elenka li għandu jkun li jkun hemm sistema ta’ ċċekkjar doppju; stħarriġ kontinwu; li jkun hemm nies mill-Crisis Team jew psikjatri kemm fil-ħabs bħalma hemm, kif ukoll fil-komunità; u identifikazzjoni ta’ nies vulnerabbli. Dawn tal-aħħar jistgħu jinkludu persuni abbużati, oħrajn fi stat finanzjarju iebes, dawk suxxettibbli għad-dipressjoni, persuni li diġà kellhom sentenza ħabs, dawk b’vizzju jew dejn, kif ukoll persuni li jbatu minn mard fiżiku. 

“Dawn huma kollha fatturi riskju u għaldaqstant tajjeb li wieħed jagħmel assessjar ta’ riskju. Dan l-assesssjar huwa eżerċizzju li jgħin biex appuntu naraw min huwa vulnerabbli u ngħinuh, kif ukoll nibqgħu nsegwuh,” wissa l-psikjatra.

Crisis Resolution Malta barra l-proposta ta’ sensiela ta’ seminars u stħarriġ anke fl-Università kemm fil-kamp tal-mediċina, kif ukoll f’tal-liġi se jipproponu li jkun hemm korsijiet għall-professjonisti biex jagħrfu min huwa vulnerabbli bil-għan li dawn jingħataw l-għajnuna meħtieġa fil-ħin. Dott Xuereb qal li, “ma ninsewx li persuna fi kriżi hija persuna vulnerabbli għas-suwiċidju u għalhekk tali approċċ jagħti aktar ċans li nsalvaw il-ħajjiet”.

Hawn huwa semma’ li d-draft li ħarġet tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Suwiċidju fiha sezzjoni għal dan l-istħarriġ fejn żied li, “idealment ikun hemm assessjar ta’ riskju speċifiku u taħriġ assolut għall-gwardjani tal-ħabs, għall-infermiera, it-teams tas-saħħa mentali, għall-imħallfin, għall-avukati, għall-prokuratur legali, għas-segretarji, għall-iskrivani, għall-messaġġiera tal-Qorti u anke għal min ikun qiegħed jilħaq. Fi ftit kliem għal kulħadd. B’dan il-mod inkunu qegħdin nipprevjenu”.

“Nofsok armat nofsok salvat”

Il-proposta hija li jkun hemm taħriġ u seminars mandatorji biex ikunu identifikati l-vulnerabbli u jirreferuhom lill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali. Imma mhux biss. B’dan il-mod il-professjonisti mħarrġa jkollhom l-għodda meħtieġa biex jippreparaw lill-vittmi, lill-qraba jew dawk involuti fil-proċess ġudizzjarju bħal xhieda permezz fosthom il-visual imagining li hija teknika li jużaw l-atleti bħala preparament minn qabel. B’dan il-mod il-persuna tkun ippreparata psikoloġikament u tkun taf dak li għandha tistenna. 

Dott. Xuereb jara li għandu jkun hemm ukoll in-numru tal-Crisis Line f’kull stabbiliment tal-Gvern għal aktar aċċess ta’ għajnuna psikoloġika għal min jeħtieġha. 

Dan il-psikjatra bi snin ta’ esperjenza qal li, “ħafna drabi l-kriżijiet jiġru lejliet l-appuntament tal-Qorti u anke wara. Din hija katina u hawn tidħol l-edukazzjoni biex innaqqsu t-trawma lil dawn in-nies li jkunu għaddejjin minnha. Dan fil-każ kemm tal-vittma, kif ukoll tal-allegati agressuri għax iż-żewġ partijiet ikollhom bżonn l-għajnuna.

Każijiet fil-Qorti jqanqlu ħafna emozzjonijiet għax f’dawn l-affarijiet, sfortunatament, m’hemmx wieħed li jerbaħ u wieħed li jitlef. Jista’ jkun li kulħadd ikun tellief. Allura importanti li aħna ngħinu u nilqgħu għax il-prevenzjoni f’dan il-każ ukoll tista’ tfisser li ssalva ħajja”.

Huwa jemmen li dawn is-seminars għanhom ikunu obbligatorji u li għandha wkoll toħroġ riċerka ħalli naraw min ikun l-aktar trawmatizzat jew l-aktar vulnerabbli. Fosthom jistgħu jkunu persuni vittmi ta’ allegat stupru, ta’ serq, ta’ vjolenza domestika, jew ta’ min qiegħed jieħu d-droga. 

“Dawn huma kollha affarijiet ta’ min jindaga u allura din hija opportunità għal ħafna riċerka biex nagħmlu ħafna ġid. Infasslu linji gwida biex inkunu wkoll mal-kollegi tagħna fid-dinja ħalli nagħtu dejjem servizz aħjar. Nagħti ħajr lil ħafna nies li jagħmlu xogħol bil-galbu li minnhom, hemm barra, għandna ħafna,” temm Dott. Mark Xuereb. 

Sport