Monday, May 13, 2024

Imnedija l-LifeWalk 2024, stedina lill-parteċipanti biex jieħdu sehem f’din il-mixja

Aqra wkoll

Il-LifeCycle (Malta) Foundation din is-sena se torganizza r-raba’ edizzjoni ta’ LifeWalk bejn l-24 u d-29 ta’ Mejju biex tiġbor fondi għall-inizjattivi tagħha b’risq pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet renali, biex tappoġġja r-riċerka medika u tqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi.

LifeWalk hija sfida ta’ trekking ta’ 145 kilometru tul Hadrian’s Wall fir-Renju Unit u saret għall-ewwel darba fl-2021. Għalkemm fil-bidu tagħha l-ħsieb kien li jsir xi ħaġa wara li l-pandemija tal-COVID-19 waqqfet il-LifeCycle Challenge, minn dakinhar LifeWalk kisbet popolarità fost individwi li mhumiex ċiklisti ferventi imma jixtiequ jieħdu sehem fi sfida ta’ reżiljenza filwaqt li jiġbru fondi għal kawża denja.

Alan Curry, il-fundatur tal-LifeCycle (Malta) Foundation, ikkummenta: “LifeWalk tgħaddi minn uħud mill-isbaħ partijiet tal-Ingilterra. Il-LifeWalkers huma mistennija li jkopru sa 36 kilometru kuljum, imdawra minn pajsaġġi naturali mill-isbaħ u fortifikazzjonijiet storiċi. Hija sfida li titlob reżiljenza, iżda li tagħti sodisfazzjon kbir. Għalhekk qed nistiednu lin-nies biex jingħaqdu magħna f’din l-inizjattiva. ”

Il-LifeCycle (Malta) Foundation ġabret ‘il fuq minn Eur3.2 miljun minn mindu twaqqfet fl-1999. Hija l-unika organizzazzjoni volontarja li tiġbor fondi biex tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi f’Malta u Għawdex, u tikkollabora kontinwament mar-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei u mat-tim li jaħdem għal għarfien akbar dwar il-mard tal-kliewi fi ħdan il-University Research Trust (RIDT) tal-Universita ta’ Malta. 

Biex tirreġistra l-interess tiegħek għal-LifeWalk, jew għal aktar tagħrif, żur il-paġna dedikata għal din l-inizjattiva fuq il-website tal-LifeCycle (Malta) Foundation: https://lifecyclefoundation.com/lifewalk-challenge/

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal fuq dan il-link: https://buff.ly/35g17CC u permezz ta’ SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew permezz ta’ telefonata fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ trasferimenti bankarji permezz tal-kodiċi Swift VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, bl-isem tal-bank ikun Bank of Valletta, u n-numru tal-kont 14814521017.

Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529

Għal aktar informazzjoni, żur https://lifecyclefoundation.com  jew https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge 

Sport