Saturday, May 4, 2024

Għall-ewwel darba Malta se jkollha Awtorità ffukata fuq il-klima

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għall-ewwel darba Malta se jkollha Awtorità ffukata fuq il-klima u l-azzjoni li rridu nieħdu b’mod kollettiv bħala pajjiż.” Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli f’konferenza stampa li matulha ppreżentat l-abbozz ta’ liġi li jirregola t-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima u li d-diskussjoni dwaru se tibda għada fil-Parlament.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-irwol tal-Awtorità se jkun dak li tagħti pariri, li tevalwa policies li jkunu qed jiġu proposti biex tara li l-ħidma ta’ kull Ministeru u entità tkun qed tirrifletti azzjoni favur il-klima u azzjoni li permezz tagħha titwettaq il-viżjoni ta’ dan il-Gvern li tkun dikarbonizzata l-ekonomija ta’ pajjiżna sas-sena 2050.

L-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, kompliet tispjega l-Ministru Dalli, se tkun qiegħda tiffoka fuq l-aspett ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. Fissret dan il-pass bħala wieħed li jirrifletti d-determinazzjoni tal-Gvern li jippromwovi għajxien sostenibbli u għaldaqstant jeħtieġ li jkollna azzjoni deċiżiva u kordinata favur l-azzjoni klimatika.

Spjegat ukoll kif dan il-pajjiż irid idawwar l-isfidi li jġib miegħu t-tibdil fil-klima f’opportunitajiet biex dawn il-pressjonijiet jiġu mitigati. “It-tibdil fil-klima qed joħloq pressjoni akbar fuq is-setturi tat-turiżmu, il-biedja u s-sajd; pressjoni fuq setturi bhal m’huma tal-manifattura u l-industrija fost oħrajn u, fuq kollox, l-impatt fuq is-saħħa.

Ma’ dawn l-isfidi iżda jeżistu l-opportunitajiet, bħalma huma ħolqien ta’ impjiegi fl-ekonomija l-ħadra, prodotti finanzjarji li jgħinu t-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

L-abbozz jipproponi li l-Awtorità twettaq diversi funzjoni, fosthom:

  1. Li tqajjem għarfien u kuxjenza akbar dwar it-tibdil fil-klima u l-azzjonijiet meħtieġa
  2. Li timplimenta mekkanżimi sabiex jiġu fformulati u addottati strumenti legali mitluba fuq livell nazzjonali jew internazzjonali b’rappurtaġġ konsolidat ta’ dak li jkun qed jiġi implimentat
  3. Li tħejji strateġija nazzjonali fit-tul
  4. Li tħejji strategija nazzjonali ta’ adattament għall-klima
  5. Li taġġorna l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECP)
  6. Li tiġbor id-data neċessajra relatata mal-azzjoni klimatika 

L-Att jistabbilixxi wkoll li l-Awtorità jkollha Bord tad-diretturi u Kunsill Nazzjonali għall-Azzjoni dwar il-Klima. “Irridu Awtorità li tkun proattiva u li toffri viżjoni fit-tul,” sostniet il-Ministru Dalli.

Biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi, l-Awtorità se tkun qed tieħu post l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA). Għal dan il-għan, il-Gvern qed iressaq emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. 

L-għan ta’ dan l-abbozz huwa sabiex jipprovdi għat-trasferiment tal-aspett tar-riżorsi mill-MRA għall-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). B’hekk, l-ERA se tkun qed tingħata responsabbilitajiet ġodda biex tiżgura l-aqwa użu tar-riżorsi minerali u tirregola l-minerali estratti.

L-abbozz li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima huwa aċċessibbli fuq is-sit tal-Parlament: https://www.parlament.mt/media/126036/online-bill-89.pdf.

Sport