Saturday, December 14, 2024

Psikjatra jgħid li l-akkużat kien qed isofri minn diżordni psikotika

Ikompli l-ġurin dwar il-qtil doppju f’Ħal Għargħur

Aqra wkoll

Fil-Qorti Kriminali presjeduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kompla jinstema’ l-ġurin ta’ Kevin Micallef ta’ 47 sena sabiex jiġi stabbilit jekk huwa kienx fi stat ta’ ġenn fil-mument li allegatament qatel lil ommu u lil zitu.

Fis-seduta ta’ dalgħodu xehdu diversi psikjatri li taw dettalji dwar il-kundizzjoni tal-akkużat meta allegatament wettaq id-delitt doppju. L-ewwel xhud fis-seduta kien il-konsulent psikjatra Joe Cassar li permezz ta’ video conferencing, qal li jaf lill-akkużat minħabba li ġie mqabbad bħala espert tal-Qorti. Il-psikjatra Cassar xehed li eżamina lill akkużat fit-18 ta’ Jannar ta’ din is-sena fl-Isptar Mount Carmel u li minn eżaminazzjoni li saret fuqu u minn oħrajn, irriżulta li Micallef kien qiegħed isofri min diżordni psikotika.

Il-Psikjatra Cassar żied jgħid li Micallef ma kellu l-ebda għarfien ta’ li għamel minħabba l-kundizzjoni newropsikatrika li kien qiegħed ibagħti minnha, magħrufa bħala l-Huntington disease. Qal ukoll li l-akkużat għamel li għamel għax baqa’ jemmen li ma kenx hemm alternattivi oħra għajr li jeħles minn ommu Antonia u zitu Maria Carmela Micallef.

Meta mistoqsi dwar il-Huntington disease, Cassar spjega li din hija marda newroloġika li taffettwa n-nervituri u li wieħed jkollu kull forma ta’ mard mentali kawża tal-istess kundizzjoni. Huwa spjega li l-istess kundizzjoni tibda tiżviluppa meta persuna tkun qegħda tbati minn sintomi psikjatriċi bħal dipressjoni qawwija. Cassar qal li meta eżaminaw lil akkużat, il-persważjoni tiegħu baqgħet l-istess bħal meta kienet ħames snin ilu.

Żied jgħid li minkejja li Micallef ibagħti minn din il-kundizzjoni, l-akkużat xorta għandu biżżejjed għarfien li xi ħadd joqtol lil xi ħadd ieħor huwa ħażin. Minkejja dan kollu, Cassar qal li l-akkużat ma għarafx li għamel il-ħażin għax għamel li għamel minħabba l-fatt li ma kellux alternattiva oħra għajr li jeħles minnhom. Meta l-psikjatra ġie mistoqsi sabiex jispjega xi tfisser delużjoni, huwa qal li din tfisser meta persuna tkun konvinta minn xi ħaġa.

Fir-rigward tal-każ ta’ Kevin Micallef, huwa qal li l-akkużat kellu delużjoni paranojika. Qal ukoll li dan kollu jfisser li Micallef kien konvint li ommu u zitu kienu ilhom jikkonfoffaw kontrih u li dan kollu beda minn mindu hu żżewweġ, minħabba li kienu kontra l-mara tiegħu għax rieduh għalihom. Dr. Cassar temm ix-xhieda tiegħu billi qal li l-akkużat fermament kien iħoss u għadu jħoss li ommu u zitu kienu qed javvelenawh.

Xehdu wkoll il-psikjatri Dr. Etienne Felice u Dr Nigel Camilleri. Meta mistoqsijin mill-ġurati, il-psikjatri taw spjegazzjoni dwar il-kundizzjoni ta’ Micallef. Huma qalu li meta wieħed jemmen affarijiet li mhumiex l-verita’, id-dellużjonijiet dejjem jikbru. Fir-rigward tal-każ, Dr Camilleri spjega li dak il-ħin Micallef tant emmen li kienu se joqtluh, li ħa azzjoni minħabba li ma rax alternattiva oħra. Meta mistoqsija dwar jekk kienx għadu fi stat ta’ ġenn meta ċempel in-numru tal-emerġenza, huma qalu li hu baqa’ fi stat ta’ ġenn. Żiedu jgħidu li l-loġika normalment taħdem li meta persuna toqtol li xi ħadd taħrab minn fuq il-post mhux iċċempel in-numru tal-emerġenza sabiex il-vittmi jingħataw l-ewwel għajnuna.

Ir-raba’ xhud kienet il-psikjatra Dr. Maria Axiaq. Hija xehdet li eżaminat lil Kevin Micallef meta daħal fit-taqsima forensika f’Lulju tal-2018 u li sa Novembru tas-sena ta’ wara kien qiegħed taħt il-kura tagħha. Rigward kif kien jinsab Micallef meta daħal, il-psikjatra spjegat li Micallef kien għadu mifxul u li kien għadu ma rrealizzax x’kien ġara.Il-psikjatra Axiaq qalet li hi stes kienet għamlet ir-rikomandazzjoni sabiex ma jibqax imsakkar f’Mount Carmel u ssuġġeriet li Micallef għandu jintbagħat f’Half Way House. Xehdet ukoll li minn testijiet oħra, irriżulta li l-akkużat ibagħti mill-Huntington disease.

Ekonomija

Sport