Saturday, December 21, 2024

PULIZIJA AKTAR VIĊIN IN-NIES

Aqra wkoll

Bil-għan li jikseb aktar il-fiduċja tan-nies u jkompli jadatta skont l-eżiġenzi tas-soċjetà tal-lum, il-Korp tal-Pulizija mbarka fuq strateġija sal-2025 biex ikun assigurat li jkollna soċjetà sigura għal kulħadd. Fil-qalba ta’ din il-bidla hemm tliet elementi ewlenin: Korp eqreb tan-nies, Korp aktar professjonali u Korp aktar fdat. 

Fuq quddiem nett ta’ din il-bidla hemm il-preżenza ta’ aktar pulizija fit-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna. Illum tista’ tgħid hija xena normali li tara l-pulizija tal-komunità fil-lokalitajiet tagħna. Dan ifisser aktar serħan tal-moħħ għaċ-ċittadini li se jsibu spalla meta jkollhom bżonn. 

L-azzjoni f’waqtha ta’ dawn l-uffiċjali tal-pulizija tkun kruċjali biex jipprevjenu milli jseħħ reat jew saħansitra tiġi salvata l-ħajja ta’ persuna. Każ partikolari li jiġi bħalissa quddiem għajnejna kien dak ta’ Kunistabbli li għen tifla ta’ sentejn li kienet qiegħda tifga. 

Dan l-uffiċjal tal-pulizija nzerta kien qiegħed għaddej fuq ronda bil-pass fi triq fir-Rabat x’ħin sema’ kommossjoni ġejja minn residenza privata u għalhekk ħabbat il-bieb, identifika ruħu bħala pulizija u daħal. Huwa beda jagħti lil din it-tifla l-ewwel għajnuna sakemm minn ħalqha ħarġet biċċa laħam.

Ġesti ta’ eroj bħal dawn kienu mfaħħra bil-kbir mill-pubbliku, kif l-istess seħħ meta żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija nisa għenu raġel li kellu bżonn l-għajnuna wara inċident bil-mutur. Dan l-istess raġel rringrazzja lil dawn il-pulizija li baqgħu miegħu sal-aħħar u raw li jżommuh konxju l-ħin kollu. 

Minbarra dawn iż-żewġ każi, ikun hemm ħafna u ħafna oħrajn li għalkemm ma joħorġux fil-pubbliku fejn l-għajnuna mogħtija tkun daqstant importanti u essenzjali għaċ-ċittadini li jeħtiġuha. 

Proprju ftit tal-jiem ilu tħabbar li s-servizz tal-community policing issa ġiet estiz għal Għawdex kollu u f’seba lokalitajiet oħra f’Malta li huma Santa Luċija, Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, Ħal Lija, l-Iklin, Ħ’Attard u Ħal Balzan. B’hekk, dan is-servizz qed jopera fi 63% tal-ibliet u l-irħula Maltin, bil-mira hi li dan ikompli jkun estiż madwar Malta sal-2023. 

Nemmnu li aktar ma jkun hemm investiment fil-Korp tal-Pulizija bil-għan li tiżdied is-sigurtà, aktar se tiżdied il-fiduċja tan-nies fil-Korp kif fil-fatt kien rifless mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru. Inħarsu ‘l quddiem għal iktar investimenti bħal dawn li għandhom iwasslu għal soċjetà aktar sigura, b’Korp effiċjenti li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum.

Ekonomija

Sport