Friday, May 3, 2024

“Ma rridux nibqgħu insensittivi quddiem il-karba ta’ tant koppji li jridu jsiru ġenituri”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt l-attività Politika minn Birkirkara, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-IVF. Huwa qal: “avvanzajna ħafna imma għad hemm limitazzjonijiet li qed ifixklu lil dan il-proċess tal-għoti tal-ħajja. Għalhekk ma rridux nibqgħu insensittivi quddiem il-karba ta’ tant koppji li jridu jsiru ġenituri.”

Huwa semma kif ftit tal-jiem ilu ltaqa’ ma’ żewġ koppji li rrakkuntawlu l-esperjenzi tagħhom u talbuh biex ikun kuraġġuż għalihom. “U jien wegħedthom li se nkunu kuraġġużi għalihom. Din riforma li nemmnu fiha u se nagħmluha jekk il-poplu jogħġbu jagħtina l-fiduċja tiegħu. X’hemm isbaħ milli tagħti l-ħajja? Kien l-istess prinċipju li wassalna biex mill-bidu ta’ din is-sena se nkunu qed nagħtu l-mediċini kollha tal-IVF b’xejn,” tenna l-Prim Ministru.

“Prinċipju ieħor kien li nemmnu li l-proċess għandu jsir f’Malta bl-appoġġ tal-familja madwarek. Hemm ukoll fatturi fil-liġi li huma limitattivi fosthom dik tal-età. Limitazzjoni oħra hi jekk ikollok wild b’mod naturali u jixtieq ikollok it-tieni wild u għandek problema ta’ infertilità, għaliex l-istat f’dik iċ-ċirkostanza ma jipprovdihx is-servizz tal-IVF? Dik hi reviżjoni li rridu naslu għaliha sabiex aħna fejn nistgħu niffaċilitaw l-għoti tal-ħajja u fejn nistgħu niffaċilitaw li koppji jkollhom dan il-privileġġ tant sabiħ li jkunu ġenituri, inkunu aħna li ninċentivaw u noħolqu dan id-dritt u ngħinu lil kull min huwa fil-bżonn.”

Meta kien mistoqsi dwar l-edukazzjoni, huwa qal li din tgħinek issib l-aspirazzjoni tiegħek u tagħtik il-bażi tal-mobilità soċjali. Semma kif f’setturi bħalma huma l-avjazzjoni qegħdin jinħolqu opportuntaijiet ġodda u din il-ġimgħa se jitnieda investiment importanti f’dan is-settur. 

Qal li jekk il-poplu jerġa’ jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista, l-istipendji se jerġgħu jiżdiedu bi 15%. Qal ukoll li “ma rridux li l-edukazzjoni tieqaf sal-età obbligatorja ta’ 16-il sena. Dalgħodu nedejna għotja ta’ €500 għal tliet snin lil dawk l-istudenti kollha li jibqgħu jistudjaw wara l-età obbligatorja.”

Sport