Ix-xogħol tal-Pulizija huwa li jassiguraw l-ordni fil-pajjiż. Għaldaqstant, għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha. Bla dubju xogħol il-Korp huwa wieħed skabruż u xi drabi anke perikoluż għal saħħithom u għal ħajjithom. Forsi din hija waħda mir-raġunijiet li ż-żgħażagħ ma tantx jitħajru għal xogħol bħal dan.
Minkejja l-isforzi li jagħmlu l-pulizija fiż-żamma tal-ordni, b’danakollu għad hawn min li jipprova jċekken jew inaqqas mill-mertu tal-ħidma li jagħmlu l-membri tal-Korp. Mhux l-ewwel darba kien hawn min ikkritika, anke fil-Parlament, u min ipprova jiżżufjetta bil-Pulizija.
Dan huwa ta’ għajb mhux biss għal min jgħidu imma wkoll għax jiskoraġixxi lill-membri tal-Korp. Wieħed irid japprezza li f’dawn l-aħħar snin il-pulizija rnexxielha ssolvi l-omiċidji kollha.
Kif għadna kemm-il darba, il-ħidma tagħhom xi kultant taf issib ma’ wiċċha ħafna sorpriżi, għaliex f’kull reat li jseħħ jiffaċċjaw ċirkostanzi differenti. Prova ta’ dan huwa dak li ħareġ fil-Qorti matul il-jum tat-Tnejn b’rabta mal-omiċidju fil-Gżira, li għandu jiftħilha għajnejna dwar il-ħidma għaqlija u kawta mwettqa mill-pulizija f’sitwazzjoni li setgħet aggravat aktar. Mingħajr ma nidħlu fil-mertu tal-każ, ma nistgħux ma nfaħħrux lill-uffiċjali tal-intervent tagħhom li rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni fl-iqsar ħin possibbli.
Dan ukoll jirrifletti li l-pulizija aktar minn qatt qabel illum huma armati b’faċilitajiet li jwassluhom iwettqu ħidmiethom b’aktar effiċjenza u fil-pront. Għalhekk, kien ta’ sodisfazzjon li kif kien jixraq dawn ingħataw drittijiet ġodda partikolarment dik li jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom.
Il-ħidma tal-pulizija kienet apprezzata tant li dawn bdew jitħallsu wara ħafna snin tas-sigħat li jaħdmu f’sahra jew meta jkunu off-duty. Dan ikompli jagħti aktar dinjità lil kull membru tal-korp.
Minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, il-pulizija jeħtieġ taħriġ kontinwu biex ikollhom il-kapaċità jitrattaw ma’ każijiet u sitwazzjonijiet diversi. B’dan il-mod, il-pulizija jkollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jilqgħu għal kull eventwalità.
Għalhekk, wara li għedna dan kollu, nemmnu li kull membru tal-korp għandu jingħata kull tifħir u inkoraġġiment għall-ħidma tiegħu għax b’hekk biss il-poplu jkollu moħħu mistrieħ li s-sigurtà tiegħu qed tkun imħarsa lejl u nhar, anke permezz tal-idea li nibtet ftit ilu, dik tal-community policing.