Tuesday, April 30, 2024

Kampjonat Premier: Illum tintlagħab Sirens v Valletta

Aqra wkoll

Illum tintlagħab il-119-il partita tal-Kampjonat Premier ta’ dan l-istaġun biex jingħaqad il-kwadru li kull team ikun lagħab 17-il logħba meta f’Tony Bezzina Stadium, Sirens jaffrontaw lil Valleta.

Dan il-konfront huwa mis-16-il ġurnata li kien tħassar minħabba l-maltemp u mressaq għal-lum.

Fil-veritá, iż-żewġ timi­jiet iddiżappuntaw iżda filwaqt li Valletta jinsabu f’żona komda, Sirens jinsabu fil-bżonn tal-punti minħabba l-biżgħa li jistgħu jinqabdu fil-ġlieda għas-salvazzjoni.

Il-Pawlini ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi bl-aħħar waħda tkun dik ta’ 3-0 kontra Hamrun Spartans li kif jindika r-riżulat ma kellhom l-ebda risposta għall-qawwa tal-Ispartans.

Min-naħa ta’ Valletta, ġejjin minn żewġ draws infila bl-aħħar wieħed ikun dak ta’ mingħajr goals kontra Floriana.

Wara li ddiżappuntaw fid-draw ta’ 1-1 kontra Pietá Hotspurs, kontra Floriana l-Beltin kienu l-aħjar team u taw l-impressjoni li setgħu joħorġu bit-tliet punti … sakemm tkeċċa Rowen Muscat għal karta ħamra diretta minħabba ritaljazzjoni li kienet waħda inutli.

Imbagħad fil-ħin miżjud tkeċċa wkoll Enmy Pena Betre għal żewġ karti sofor biex dawn iż-żewġ players se jkunu sospiżi għal din il-partita, b’Muscat jibda sospensjoni ta’ tliet logħbiet.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ mingħajr goals.

Sport