Tuesday, April 30, 2024

Pulizija jispiċċaw imniggża miż-żunżan waqt protesta fiċ-Ċilì

Aqra wkoll

Erba’ persuni li jrabbu ż-żunżan ġew arrestati ġewwa ċ-Ċilì minħabba protesti li għamlu kontra l-gvern hekk kif skonthom dan tal-aħħar mhux qiegħed jagħmel biżżejjed biex jappoġġja din l-industrija. 

Għadd ta’ persuni li jrabbu ż-żunżan wettqu dimostrazzjoni qud­diem il-palazz presidenzjali fil-belt kapitali Santiago, u seba’ uffiċjali tal-pulizija spiċċaw tniġġżu miż-żunżan hekk kif dawn bdew ineħħu d-doqqajs li ġew impoġġija mid-dimostranti. In-nixfa kbira li qed taħkem liċ-Ċilì wasslet biex l-industrija tat-trobbija taż-żunżan tbati ħafna, u dan hekk kif in-nixfa qiegħda toqtol is-sors tal-ikel taż-żunżan. 

Bħala parti mill-protesta tagħhom, id-dimostranti poġġew xejn inqas minn 60 doqqajs, li fihom kien hemm madwar 10,000 żunżana, quddiem il-palazz presidenzjali. 

Dimostrant li tkellem mal-midja qal li l-mewt ta’ kolonji sħaħ ta’ żunżan mhix biss daqqa ta’ ħarta għalihom, iżda għad-dinja kollha. Id-dimostranti jridu li l-gvern  jagħmel ir-riformi li hemm bżonn biex jiġu rregolati l-prezzijiet tal-għasel jew jipprovdi sussidji lill-produtturi. Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Agrikoltura qal li l-gvern jinsab imħasseb ukoll bis-sitwazzjoni tan-nixfa u qal li f’dawn l-aħħar xhur il-gvern ta għajnuniet lil xejn inqas minn 20 komunità li qed jesperjenzaw nixfa kbira. 

Sport