M’hemm ebda dubju li Putin hu konxju tal-limitazzjonijiet tal-ekonomija Russa. M’hemm ebda dubju ukoll li Putin għamel il-kalkoli tiegħu dwar kif tista’ tiġi affettwata l-ekonomija Russa mis-sanzjonijiet fosthom b’sanzjonijiet li jaffettwaw in-Nord Stream, li hi sistema ta’ pajpijiet li jieħdu l-gass mir-Russja lejn il-Ġermanja.
Minkejja dan Putin għażel li jmur għal invażjoni u attakki qawwija fuq l-Ukrajna. Deċiżjoni li magħha jidher li kien hemm nuqqas ta’ qbil minn diversi vuċijiet fir-Russja, liema vuċijiet twarrbu fil-ġenb. Ħafna huma tal-fehma li Putin qed jagħmel l-akbar żball storiku fl-istorja ta’ żmienna. Minkejja li kien hemm diversi esponenti fir-Russja li wissewh pubblikament li attakk u invażjoni tal-Ukrajna tkun żball kbir, Putin xorta għażel din it-triq u injorahom.
Wieħed irid jirrimarka li l-mod ta’ kif wieħed seta’ jiġġieled u jirreżisti t-tentattivi ta’ espansjoni minn Nato fl-Ukrajna, seta’ sar b’diversi modi. Invażjoni u attakk massiċċ fuq l-Ukrajna żgur li m’għandux jitqies bħala l-mod kif wieħed jopponi din l-espansjoni tan-Nato.