Tuesday, May 14, 2024

Putin jgħid li r-Russja ma tilfet xejn, anzi kisbet ħafna bl-invażjoni fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President Russu Vla­dimir Putin qal li r-Russja ma tilfet xejn kawża tal-azzjoni tagħha ġewwa l-Ukranja, anzi skontu r-Russja ssaħħet hekk kif issa tinsab fi proċess biex isaħħaħ l-influwenza globali tagħha. 

Putin ta’ sikwit jiddeskrivi l-azzjoni Russa fl-Ukrajna bħala “punt kruċjali fl-istorja” fejn pajjiżu se jħassar l-umiljazzjonijiet li sofra kawża tal-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika fl-1991. Il-President Russu jsejjaħ il-gwerra fil-Ukrajna bħala “operazzjoni militari speċjali”.

Fid-diskors li kien qiegħ­ed jagħmel fil-Forum Ekonomiku tal-Lvant ġewwa l-belt ta’ Vladivostok huwa qal li l-Punent qiegħed ifalli, filwaqt li l-Ażja hija l-futur. Waqt dan id-diskors Putin kważi lanqas biss semma lill-Ukrajna, ħlief meta tkellem dwar l-esportazzjoni tal-qamħ. Meta kien mistoqsi mill-moderatur tad-diskussjoni dwar jekk ir-Russja tilfitx xi ħaġa fil-kunflitt, Putin qal li r-Russja kellha biss kisbiet u se toħorġ minn dan il-kunflitt bħala pajjiż ġdid ħieles minn kull xkiel. 

Putin qal li, “aħna ma tlifna xejn u mhu se nitilfu xejn… dak kollu li mhux neċessarju, ta’ dannu jew ixekkilna milli nimxu ’l quddiem se jkun miċħud.” Putin żied jgħid li, “rigward dak li ksiebna, jien ngħid li l-ikbar kisba kienet it-tisħiħ tas-sovranità tagħna… dan se jsaħħaħ lil pajjiżna minn ġewwa.”

Minkejja dan, Putin iżda rrikonoxxa li dan il-kunflitt qed iwassal għal “ċertu opinjonijiet diverġenti” madwar id-dinja u anke fir-Russja stess.

Ir-Russja bagħtet għexieren ta’ eluf ta’ suldati ġewwa l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda f’dik li ddeskriviet bħala operazzjoni militari speċjali biex tiġġieled “in-nazz­jonaliżmu perikoluż” fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. Min-naħa tagħhom l-Ukreni offrew reżistenza qalila u s’issa l-ebda naħa qatt ma taw iċ-ċifra ta’ kemm tilfu suldati. 

Putin, li f’Ottubru li ġej se jagħlaq 70 sena, f’Lulju li għadda qal lill-Punent li huwa għadu biss qiegħed jibda ġewwa l-Ukrajna.

Il-kunflitt fl-Ukrajna wassal lir-Russja biex titfa’ l-ħarsa tagħha lejn l-Ażja partikolament iċ-Ċina li llum il-ġurnata hija t-tieni l-ikbar ekonomija tad-dinja. Putin qal li l-Punent qiegħed ifalli kawża tal-attentat agg­ressiv biex jiżola lir-Russja bis-sanzjonijiet u għalhekk issa l-Ażja hija l-futur. Fid-dawl ta’ dan, Putin qiegħed ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ta’ pajjiżu ma’ din il-parti tad-dinja. 

L-attentant tal-Punent biex jiżola lir-Russja ekonomikament b’sanzjonijiet ħorox qiegħed iwassal biex l-ekonomija globali tiffaċċja sfidi kbar bi prezzjonijiet tal-ikel u l-enerġija jilħqu livelli perikolużi. 

Sport