VJOLENZA DOMESTIKA MILL-ULIED
Nitkellmu u żdied kemm l-għarfien, kif ukoll is-servizzi għall-vittmi ta’ vjolenza domestika. Iżda, fenomenu perikoluż li qiegħed bil-mod il-mod jgħawwar lis-soċjetà tagħna huwa s-swat fuq il-ġenituri. Swat mill-ulied. Hekk irrakkontat omm li ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq wara argument ma’ binha. Din l-omm, bħal kull ġenitur ieħor ippruvat tiddixxiplinah billi teħodlu l-mowbajl, iżda din il-mossa tat bidu għal swat, swat ikrah li l-qalb tal-omm li tagħmel kollox għal uliedha, tħossu f’qalbha agħar u ferm iktar minn dak fiżiku.
“Malli wasalna d-dar ippruvajt neħodlu l-mowbajl biex niggastigah imma qabadni minn għonqi, għafas sew, reġa’ tani daqqa ta’ ponn u mbottani mal-art. Ma nistax nemmen li ġara dan”. Din hija l-esperjenza ta’ omm fostna li f’jum li fih kienet qiegħda tiġri bil-qadi ta’ binha, sfat vittma ta’ vjolenza domestika proprju mill-kreatura li tat il-ħajja hija stess.
Qalet daqqiet ta’ ponn waqt li kienet qed issuq…
Din l-omm stqarret kif aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-adoloxxent tagħha, aktar qiegħed juri nuqqas ta’ rispett. Fil-jum tal-argument hija kienet qiegħda ssuq meta f’ħin minnhom beda jgħajjat magħha. Hija ppruvat tikkalmah imma baqa’ jirrabja. Stqarret kif minħabba frustrazzjoni li ħasset, tatu “daqqa ħafifa fuq koxxtu” bil-għan li twaqqfu. “Dak kien il-ħin li kollox spiċċa ħażin. Qabadli driegħi sew, daħħal dgħufrejh fijja u heddidni biex ma mmissux. Meta erġajt nipprova nwaqqfu, tani diversi daqqiet ta’ ponn f’wiċċi waqt li kont qiegħda nsuq”.
Spjegat li kif waslu lura d-dar hija ppruvat teħodlu l-mowbajl u l-wild reġa’ nfexx isawwat lil ommu. B’dieqa qalet, “rabbejt lil ibni waħdi għal snin twal. Dejjem żgurajt li kellu trobbija kuntenta u mimlija mħabba u qatt ma ħallejtu jħossu li kien nieqes minn xi ħaġa. Onestament ma nifhimx minn fejn ġejja din ir-rabja u l-vjolenza”.
Min-naħa tagħha l-vittma qalet li hija stess kienet tirraġuna mod qabel ma hija stess għaddiet minn dan l-abbuż. “Imma, sibt ruħi f’din il-pożizzjoni, xi ħaġa li qatt ma mmaġinajt li tista’ tiġri ma’ ibni stess. Ma nafx x’għandi nagħmel jew lejn min għandi ndur għall-għajnuna. Għadni bżonn ta’ ftit gwida u appoġġ,” temmet il-povra omm.



