Qafas aktar b’saħħtu għall-BCRS biex jitjieb is-servizz lill-konsumaturi

Aqra wkoll

Minn meta bdiet topera l-Iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS), inġabru aktar minn 900 miljun kontenitur. Fid-dawl ta’ dan ir-riżultat, il-Gvern introduċa pakkett komprensiv ta’ miżuri biex ikompli jtejjeb l-affidabbiltà, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizz. B’enfasi partikolari fuq it-tħaddim tal-magni awtomatiċi li jiġbru l-kontenituri u r-rifużjoni tad-depożitu (RVMs), sabiex il-konsumatur jingħata servizz aħjar u aktar affidabbli.

 “Il-ġbir ta’ aktar minn 900 miljun kontenitur tax-xorb juri li n-nies qed jagħtu sehemhom biex jipproteġu l-ambjent. Ir-responsabbiltà tagħna bħala Gvern hija li niżguraw li s-sistemi li nwaqqfu jaħdmu sew. Smajna dak li qed jgħidu l-konsumaturi u identifikajna fejn hemm bżonn ta’ titjib. Għalhekk, qed nintroduċu standards aktar stretti, aktar responsabbiltà u aktar għażliet biex il-kontenituri jkunu jistgħu jinġabru b’mod aktar faċli. L-operaturi tal-Iskema għandhom jiżguraw li jipprovdu s-servizz li l-pubbliku jkun qed jistenna,” qalet il-Ministru għall-Enerġija u l-Ambjent, Miriam Dalli.

“Kull kontenitur li jinġabar ifisser kontenitur inqas li jista’ jispiċċa fit-toroq, fil-kampanja jew fil-baħar, u opportunità oħra biex materjali ta’ valur jerġgħu jintużaw. L-għanijiet ambjentali tagħna jridu jimxu id f’id mar-realtajiet ta’ kuljum tan-nies. Jekk irridu nħeġġu aktar familji jadottaw drawwiet sostenibbli, irridu nagħmlulhom dawn l-għażliet aktar faċli, konvenjenti u ta’ benefiċċju għalihom. Hekk nibnu ekonomija ċirkolari aktar b’saħħitha: permezz ta’ politika ambjentali li twassal għal riżultati konkreti, servizzi li jirrispettaw il-ħin tan-nies u sistema li taħdem aħjar għal kulħadd,” żiedet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

L-emendi, introdotti permezz tal-Avviż Legali 256 tal-2026, jibnu fuq l-esperjenza miksuba minn meta bdiet topera din l-Iskema u jistabbilixxu regoli aktar ċari dwar it-tħaddim, il-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-BCRS. Dawn l-emendi jintroduċu wkoll aktar miżuri biex jiġi żgurat li din l-Iskema titħaddem b’mod trasparenti, effiċjenti u fl-interess pubbliku.

Il-qafas leġiżlattiv aġġornat jagħti aktar importanza lit-trasparenza u r-responsabbiltà fit-tmexxija tal-Iskema. Dan isaħħaħ is-sorveljanza regolatorja u jintroduċi arranġamenti aktar ċari dwar ir-rappurtaġġ, it-tmexxija u l-immaniġġjar tad-data. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-mod li bih titmexxa l-Iskema u jkomplu jsaħħu  l-fiduċja tal-pubbliku fl-użu tagħha.

L-emendi għall-Ftehim tal-Liċenzja jistabbilixxu standards minimi ta’ servizz għan-netwerk nazzjonali tal-magni awtomatiċi li jiġbru l-kontenituri. B’hekk, il-prestazzjoni tal-Iskema tkun tista’ titkejjel skont kriterji ċari u definiti. Il-prestazzjoni tal-operatur liċenzjat tal-Iskema se tiġi evalwata kull ġimgħa skont indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti minn qabel.

Il-qafas aġġornat jibni wkoll fuq sensiela ta’ miżuri operattivi li diġà ġew introdotti biex jittejbu l-aċċessibbiltà u l-affidabbiltà tas-servizz. Dawn jinkludu t-tqassim mill-ġdid tal-magni awtomatiċi, tindif aħjar u aktar ħaddiema fil-punti pubbliċi tal-ġbir, tbattil aktar frekwenti tal-magni, aktar ħaddiema fil-punti fejn jinġabru l-aktar kontenituri.

Ir-Regolamenti emendati jistabbilixxu wkoll qafas li jippermetti lil terzi persuni jixtru, jinstallaw u jħaddmu magni awtomatiċi approvati għall-ġbir tal-kontenituri, sakemm dawn ikunu integrati bis-sħiħ fis-sistema nazzjonali tal-BCRS.

Dan jagħti l-opportunità għal aktar investiment f’infrastruttura għall-ġbir tal-kontenituri minn terzi persuni eliġibbli, fosthom bejjiegħa bl-imnut u organizzazzjonijiet oħra.

Il-qafas il-ġdid għalhekk għandu l-għan li jwessa’ l-parteċipazzjoni u jżid l-għażliet disponibbli għall-konsumaturi biex jirritornaw il-kontenituri, mingħajr ma jiddgħajfu l-integrità, it-traċċabbiltà u l-kontroll regolatorju tal-Iskema.

Din l-opportunità għal aktar investiment fl-infrastruttura tal-ġbir hija msaħħa wkoll permezz tal-Iskema ta’ Circular Return Infrastructure Grant mill-Malta Enterprise, imnedija f’Settembru 2026. Din tipprovdi għajnuna finanzjarja lil bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut eliġibbli li jinvestu f’magni awtomatiċi ġodda għall-ġbir tal-kontenituri jew f’sistemi awtomatizzati oħra li joffru soluzzjonijiet simili.

“Disponibbiltà aħjar tal-magni awtomatiċi tfisser esperjenza aħjar għall-konsumaturi. Il-qafas imsaħħaħ jagħtina standards aktar ċari li abbażi tagħhom inkunu nistgħu nimmonitorjaw u ntejbu l-prestazzjoni tas-servizz,” qal l-Inġinier Jason Vella, Kap Eżekuttiv ta’ Circular Economy Malta.

Is-servizz ta’ ġbir mill-bieb għal bieb għal persuni li għandhom 60 sena jew aktar u għal persuni li għandhom il-Blue Badge huwa wkoll kompletament operattiv. Dan jipprovdi għażla oħra biex dawn il-persuni jirritornaw il-kontenituri b’mod aktar faċli u aċċessibbli. Permezz ta’ dan is-servizz inġabru aktar minn 4.6 miljun kontenitur tax-xorb, permezz ta’ aktar minn 39,000 żjara għall-ġbir.

Sar ukoll titjib operattiv ieħor, fosthom manutenzjoni u servizz aktar frekwenti fil-punti fejn jinsabu l-magni awtomatiċi, kif ukoll ġbir addizzjonali f’postijiet fejn hemm domanda akbar, partikolarment matul ix-xhur impenjattivi tas-sajf.

Il-qafas imsaħħaħ tal-BCRS għandu l-għan li jtejjeb is-servizz u jiżgura li l-magni tar-rifużjoni tal-fliexken u l-kontenituri jkunu aktar disponibbli għall-pubbliku. Filwaqt li jiġi pprovdut servizz aktar affidabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi f’Malta u Għawdex.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport