Friday, May 3, 2024

Qafas leġislattiv biex jirregola l-‘platform work’

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fl-aħħar jiem, il-Kabinett approva qafas leġiżlattiv li għandu jirregola dak magħruf bħala platform work. Dettalji dwar sett ta’ regoli ġodda aktar robusti se jingħataw mill-gvern fil-jiem li ġejjin. 

Il-Prim Ministru spjega l-prinċipji ta’ dan il-qafas waqt laqgħa ta’ diskussjoni ta’ qabel il-Budget li kellu ma waħda mill-unions ewlenin ta’ pajjiżna, fosthom li jirregolaw il-kuntratt tax-xogħol u li s-salarju ma jistax ikun inqas mill-paga minima fost drittijiet oħra bħal overtime u sick leave.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa tal-kuraġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet wara stħarriġ organizzat u strutturat mill-awtoritajiet, fil-każ tal-platform work, mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.

Dr Abela saħaq fuq il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment u hawn talab għall-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali biex nibqgħu niġbdu investiment lejn Malta li bih nassiguraw dħul b’saħħtu għall-gvern u b’dak id-dħul, il-gvern jibqa’ jsostni l-għajnuna li qed jagħti quddiem sfidi straordinarji.

“L-ebda pajjiż mhu jgħin daqskemm qed jgħin il-Gvern Malti lin-nies, fosthom fil-qasam tal-enerġija u fl-importazzjoni taċ-ċereali”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li qal ukoll li l-Budget li jmiss irid ikun wieħed ta’ sostenibbiltà u ta’ stabbiltà.

Dr Abela sostna wkoll fuq l-importanza tad-djalogu soċjali u fisser kif il-Budget li jmiss se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa biex il-gvern jimplimenta l-manifest elettorali li għandu mandat fuqu min-nies.

Sport