Monday, May 13, 2024

Qal li qed iħoss rimors u jixtieq li kulħadd jaħfirlu

Ikompli l-ġuri ta' Laurence Abina mixli bil-qtil ta' Rita Ellul

Aqra wkoll

Illum daħal fir-raba’ jum tiegħu l-ġuri ta’ Laurence Abina fejn fost l-oħrajn qiegħed jiġi mixli li qatel lis-sieħba tiegħu Rita Ellul. Id-delitt kien seħħ fi Frar tal-2022 f’Għajnsielem f’Għawdex.

Mix-xhieda li saret illum ħareġ li waqt l-interrogazzjoni Abina qal lill-ispettur li kien qiegħed iħoss rimors u jixtieq li kulħadd jaħfirlu.

Skont dak li qal lill-Ispettur, Abina qal li hu kien iħallas il-kera tad-dar ta’ Rita li kellha f’Malta. Qal li dakinhar tal-każ hu kien telaq mix-xogħol għall-ħabta ta’ nofsinhar u kif wasal id-dar sab lil Rita għadha fis-sodda rieqda. Qal li meta messilha moħħha u ġisimha nħass kiesaħ silġ. Hu anke qal li r-relazzjoni kienet waħda pjuttost normali. Dwar il-każi ta’ vjolenza domestika li kienu seħħew fl-2020, l-akkużat kien qal mal-pulizija li dak kien xi ħaġa ta’ darba għax kien ħaseb li qed taqlibhielu.

Għall-ewwel fl-interogazzjoni hu ma riedx jammetti li kien hu li qatilha tant li meta l-pulizija staqsewh dwar black eye li kienet ġiet osservata waqt l-awtopsja, bl-akkużat jibqa’ jinnega u jgħid li hu qatt ma refa’ idu fuq Rita matul dak il-lejl.

Imbgħad bdiet it-tieni interrogazzjoni, fejn Abina jibda jibki u jammetti li kien hu li qatilha. Jgħid li kien għafsilha għonqha b’idu għax qatlu li qalbithielu ma’ Stefan. Skont Abina dan Stefan hu persuna fittixja li ħolqot Rita stess biex tiġbed l-attenzjoni tal-akkużat. Hu kien qal lill-pulizija li l-Ġimgħa filgħaxja beda jaħseb kif jista’ joqtol lil Rita.

Jgħid li ftit qabel is-7.00am meta kien se jmur lejn ix-xogħol xi ħaġa ġibditu lura fl-appartament. Qal li pprova jifga lil Rita b’żewġt iswaba waqt li hija kienet nofsha rieqda. Jirrakkonta mal-pulizija li Rita bdiet tibki u anke pprovat tiddefendi ruħha.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Anthony Vella, filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher bħala avukat tal-għajnuna legali għal Abina. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras. L-Ispetturi Kurt Zahra, Josef Gauci u Wayne Camilleri kienu investigaw il-każ. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru parte civile għan-nom tal-familja tal-vittma.

Sport