Friday, December 27, 2024

Qal li ra mara liebsa l-abjad, però naqas milli jgħid kienx hemm qawwa jew persuna tikkontrollah

Jixhed it-tabib li kien invista lil Abner fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana

Aqra wkoll

Hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Abner Aquilina, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ żewġ persuni mill-qasam tas-saħħa  — tabib u infermiera.

Aquilina huwa ż-żagħżugħ li jinsab mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska li seħħ fit-2 ta’ Jannar tal-2022 fi Ġnien l-Indipendenza, Tas-Sliema.

It-tabib Andrew Hall li kien l-istess tabib illi invista lill-akkużat fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, xehed li Abner dakinhar deher aġitat ħafna u żied jgħid li Abner qal li kien ra mara liebsa l-abjad. Iżda, ix-xhud qal li meta staqsa lil Abner jekk kienx hemm terza persuna/qawwa tikkontrollah, qallu li ma setax jagħtih informazzjoni. Hall, appena temm jeżamina l-istat mentali tal-akkużat, irreferieh għas-servizzi tas-saħħa mentali.

Rosanne Bajada, infermiera fl-istess ċentru li mar għall-vista fih Abner, qasmet fehma simili għal dik ta’ Hall fejn qalet li l-akkużat deher aġitat. Qalet ukoll li meta kienet se tnaddaflu jdejh biex tneħħilu d-demm, Abner għamlilha premura biex tuża ilma bil-melħ, tant li biex ikun ċert ħatfilha l-bott minn idha sabiex jivverifika jekk għamlitx kif qalilha.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud megħjun mill-Ispettur Jonathan Ransley u mill-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Mario Mifsud qed jidher għal Aquilina filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher parte civile għall-familjari tal-vittma.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

Ekonomija

Sport