Monday, April 29, 2024

Stessu minn Spielberg

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Mingħajr ma kellu ebda kompetizzjoni, “Avatar: The Way of Water” kompla jirrenja fil-box Office Amerikana għas-seba’ ġimgħa konsekuttiva. Globalment, issa laħaq iċ-ċifra ta’ $2.12 biljun.

Fil-postijiet l-oħra ta’ fuq nett, għadhom jiddominaw “Puss in Boots: The Last Wish”, “A Man Called Otto” u “M3GAN”. It-thriller Indan “Pathaan” iddebutta fil-ħames post tal-box Office Amerikana.

THE FABELMANS

Steven Spielberg hu d-direttur li tana uħud mill-aħjar films li rajna f’dawn l-aħħar 50 sena. Filwaqt li jien konvint li għad irid jagħtina aktar, fl-età ta’ 76 sena, Spielberg iddeċieda li jagħtina film awtobijografiku: “The Fabelmans”.

Minn meta l-ġenituri tiegħu ħaduh jara “The Greatest Show on Earth” (li kien ħareġ fl-1952 u allura kien għad kellu 5 snin) sal-memorji tiegħu meta kiber u ltaqa’ mad-direttur kbir John Ford fil-kumpless tal-kumpanija Paramount, dan il-film jurina kif nibtet il-ħajra ġo fih biex isir direttur tal-films.

Fuq kollox, “The Fabelmans” jistieden l-udjenza sabiex prattikalment nidħlu f’daru u f’ħajtu, fil-mumenti tajba u dawk anqas tajba, fid-dar ta’ tfulitu, kif trabba ġo familja fejn l-iżvantaġġi finanzjarji ma kienux nieqsa, il-bullying u s-sentiment anti-Semitiżmu li kellu jiffaċċja meta kien qed jistudja, u anke d-divorzju tal-ġenituri.
Kull min bħali trabba mal-films ta’ Spielberg, żgur innota t-temi rikorrenti li rajna fihom, partikolarment kif f’ħafna minhom ikun hemm ġenitur wieħed, ġeneralment l-omm.

Missier Spielberg hu l-inġinier Burt (Paul Dano) li kien jaħdem fil-qasam tal-kompjuter fl-ewwel snin ta’ din l-industrija. Għalhekk, huma kellhom imorru spiss minn post għall-ieħor: min-New Jersey għal Arizona għan-naħat ta’ fuq ta’ Kalifornja.

Ommu hi Mitzi (Michelle Williams), li kienet pjanista. Tkun omm sessittiva, li xtaqet li binha Sam (Mateo Zoryan meta jkun tifel, Gabrielle LaBelle meta jikber) ikollu karriera kreattiva. Mitzi tkun tbati mid-dipressjoni; ħaġa li Sam bħala tifel ma setax jifhem.

Il-film jippreżentalna ukoll l-ewwel esperimenti bil-kamera Super 8 li jkunu xtrawlu: meta jdawwar lil-ħutu bniet bit-toilet paper biex taparsi ikunu mumji sa meta bħala Boy Scout (u tifhem għala Indiana Jones beda bħala Boy Scout) jaħdem film tal-gwerra qasir the 40-minuta li fih jieħdu sehem sħabu. Jidher li hemm beda jirrealiżża l-qawwa tal-film fuq l-udjenzi.

Għal ħafna snin, fil-pubbliku, Spielberg dejjem waħħal f’missieru għala l-ġenituri tiegħu ddivorjaw. “The Fabelmans” jagħtina perspettiva differenti.

Jekk wieħed jerġa jżur fil-memorja l-films ta’ Spielberg, wieħed jintebaħ li l-ħajja personali tiegħu dejjem ġiet moħbija wara ġenituri fittizji li rajna fuq l-iskrin. Kif naraw f’“The Fabelmans”, dak li tgħaddi minnu l-familja tiegħu hu sa ċertu punt dak li jgħaddu minnu ħafna familji oħra. Naħseb li finalment dak li ried jagħmel: ried iqerr magħna u jgħid il-veritá dwaru nnifsu mingħajr ma jinqeda b’karattri oħra.

“The Fabelmans” hu ikklassifikat 12A minħabba it-tema ta’ razziżmu, vjolenza moderata, użu ħażin ta’ droga u xi lingwaġġ mhux xieraq.

Deepika Padukone fit-thriller Indjan Pathaan

KNOCK AT THE CABIN

Fl-1999, id-direttur M. Night Shyamalan tana “The Sixth Sense” li ntlaqa’ tajjeb mill-kritiċi u l-pubbliku. Wara dak il-film, dan id-direttur sabha diffiċli jissodisfa lill-udjenza. L-istil ta’ rakkont li jħobb jiżviluppa għandu xi elementi li ħafna jirreferu għalih bħala “Shyamalan Twist”. F’dawn l-aħħar snin, partikolarment wara li ħareġ “The Visit” fl-2015, il-karriera tiegħu bdiet tistabilizza imma xorta qatt ma laħaq il-livell ta’ “The Sixth Sense”.

Ispirat mir-rumanz ta’ Paul G. Tremblay, ‘The Cabin at the End of the World’, in-narrattiva tlaqqana mal-koppja Andrew (Jonathan Groff) u Eric (Ben Aldridge). Għandhom tifla adottata. Dawn imorru f’għarix tal-injam sabiex iqattgħu ħin ta mistrieħ. Il-paċi u s-sliem ma jdumx wisq meta jitfaċċa raġel flimkien ma’ tliet stranġieri oħra. Ir-raġel jintroduċi lilu nnifsu mat-tifla bħala Leonard (Dave Bautista).

Dave Bautista u Kristen Cui f’Knock At The Cabin

It-tifla Wen (Kristen Cui) tibża’ bil-preżenza ta’ dawn l-erbgħa u tmur tiġri tgħid lill-missirijiet tagħha. L-affarijiet ma jdumux biex jibdew jikkumplikaw irwieħhom malli tinstema’ t-taħbita fuq il-bieb tal-għarix.

Leonard jgħidilhom li hu għandu mpenn importanti x’jagħmel. Huwa jinsisti mal-familja li tkun imwerwra, li jridu jagħmlu għażla biex jiġi evitat apokalissi.
F’dawn l-aħħar snin, karatteristika fil-films ta’ Shyamalan hi t-tendenza li jdaħħal aspett reliġjuż fin-narrattiva. X’inhi l-għażla li trid issir?

“Knock at the Cabin” hu ikklassifikat 15 minħabba xeni ta’ theddid, lingwaġġ ħażin, vjolenza u suwiċidju.

Sport