Saturday, April 27, 2024

“Qalb il-pal tal-bajtar ilmaħt raġel jaħdem purtiera … iddeċidejt li nagħmel waħda”

Aqra wkoll

Ninu Vassallo “l-Ħaġi” ilu kważi 60 sena jaħdem il-ħasira

Miktub minn Brian Gatt, Ritratti Alan Saliba

YouTube video

Din il-ġimgħa Inewsmalta marret f’daqsxejn ta’ remissa fil-lokalità Rabtija fejn iltqajna ma’ Anthony Vassallo l-Ħaġi li fl-età ta’ 91 sena għadek issibu mixħut bilqiegħda fuq tavluna jaħdem il-ħasira.

Iż-żmien isajru l-bajtar u għalkemm qabel kien jaqbeż minn naħa għall-oħra tat-tavluna biex jorbot il-lenez minn naħa s’oħra tal-qasba li jkun fassal skont t-talba tal-klijent, issa jistenna xi ftit għajnuna għax fi kliemu stess “saqajja m’għadhomx li kienu”.

Miegħu kellu jgħinu lir-raġel tat-tifla u b’hekk dak li qabel kien isir minn bniedem waħdu, issa x-xogħol jinqasam; b’Ninu fuq naħa tat-tavluna u Ġorġ fuq in-naħa l-oħra sakemm idejhom jiltaqgħu huma u jorbtu l-lenez.

Il-proċess tal-ħasira jibda mill-qtugħ tal-qasab u l-aħjar perjodu biex dan isir huwa għall-ħabta ta’ Jannar. Wara, il-qasab jittieħed biex jitnixxef u jitħalla hemm għal numru ta’ ġimgħat, xhur jekk mhux saħansitra snin. L-anzjan kompla jispjegalna li l-importanti biex il-qasab iservi hu li jitħalla jitnixxef sew wieqaf għax jekk dan jitħalla mimdud jispiċċa u jiterra għax ma jinxifx.

Mistoqsi mnejn ġietu l-ħajra jibda jaħdem il-ħasira, Ninu qalilna li darba kien qiegħed mal-mara Fomm ir-Riħ u qalb il-pal tal-bajtar lemaħ raġel mdaħħal fiż-żmien jaħdem purtiera. Qalilna li dak il-ħin bħal baqa’ jiċċassa lejh u wara li għadda ftit taż-żmien mhux ħażin mar fuq martu u qalilha li ried jagħmel purtiera.

L-ewwel purtiera li għamel pero, għamilha bi ftit lenez u meta llesta l-qasab ġie mberraq. Induna li ma kienx rifidha tajjeb u b’hekk ħattha u reġa’ ħadimha mill-ġdid, din id-darba rifidha b’aktar lenez.

Mistoqsi dwar x’kien jagħmel fil-passat, Ninu qalilna li qabel ma kienx jagħmel dan ix-xogħol. Dak iż-żmien flus fl-idejn ma kienx hawn u t-tbatija kienet kbira. L-anzjan jiftakar żmien il-gwerra u żogħżitu qattagħha jġorr it-tabija, ibigħ il-melħ u jiġri bil-karettun fost xogħol ta’ tbatija ieħor. Qalilna dak iż-żmien, il-mara kienet bit-tfal u daqqa t’id f’xi purtiera kienet tajba għax l-għajxien kienet sfida ħafna akbar mil-lum.

“La tagħlaq għajnejk ma tista’ tkellem lil ħadd. Jekk iridu t-tfal jafu kollha iżda llum ħadd ma jrid jaf b’dan ix-xogħol, pagi tajbin u wara jfittxu jiddevertu”, kompla jirrakkuntalna Ninu. Ħa nifs twil u qalilna li jekk iridu jaħdmu jistgħu jaħdmu kemm iridu għax kollha urihom b’reqqa kbira din is-sengħa li issa tant kien ilu jipprattika u jitgħallem fiha.

Rigward inċidenti li matul dawn is-snin kollha seta’ kellu, l-anzjan qalilna li xi daqqa ta’ sikkina ma tonqosx, “iżda għall-grazzja t’Alla qatt ma kienu kefrin”. Il-qasab mhux ta’ min jafdah lanqas għax il-qasab jekk ifaqqa bis-saħħa daqs sikkina jiġi jaqta’.

Qabel kien idendel il-qasba li minnha jibda l-purtiera, jibda jirfed minn isfel u jibqa’ tiela’ jixxabbat sakemm ma jibqgħux jagħtuh idejh u dlonk tarah tiela’ fuq mejda li kien juża biex jibqa’ jissikka sakemm jgħaqqad tarf m’ieħor. Illum il-ġurnata f’din l-età Ninu qalilna li jgħoddha b’waħda li ma ndarabx wara li fl-aħħar xhur anke waqa’ hu u għaddej b’din il-ħidma. Minn dakinhar ’l hawn iddeċieda li juża bħal tarjola u skont fejn ikun wasal, iżerżah il-purtiera biex ikun jista’ jibqa’ jirfed qasba m’oħra bla ma joqgħod jixxabbat.

Staqsejnih jekk hemmx xi biċċa xogħol li jibqa’ jiftakar u qalilna li kellu ordnijiet kbar, iżda l-aktar li ma jneħħix minn quddiem għajnejh kien sid ta’ lukanda f’Tas-Sliema li spiċċa bir-rawgħa f’ħalqu għal Ninu b’dan tal-aħħar ma jaħti xejn f’din l-affari. Kien ħadimlu ħafna purtieri, iżda ġara li lanqas damu xahrejn imwaħħlin li ma qamitx maltempata kbira u ġarritlu kollox.

Rigward it-talba għal dawn il-purtieri, l-anzjan qalilna li x-xemx ta’ Malta hija kiefra u li b’hekk it-talba fis-sajf tiżdied. Minkejja dan huwa qalilna li “jien ma ngergirx, għalkemm fis-sajf ikolli aktar xogħol, ċekċika xogħol ikolli matul is-sena kollha”.

Hekk kif ġejna biex inħallu l-anzjan u lil Ġorġ biex ikomplu jaħdmu l-purtiera li kienu qabdu jaħdmu huma u jkellmuna, Ninu qalilna li għalkemm ma jixtieqx li dan ix-xogħol jispiċċa, sfortunatament minħabba l-ħajja moderna; bl-ispejjeż dejjem jikbru u xogħlijiet b’pagi tajbin, jiddubita kemm se jkun hawn min se jkompli b’dan ix-xogħol infatti tgħodd fuq is-swaba’ ta’ idejk dawk li għadhom jaħdmu l-ħasira.

Sport