Wednesday, April 24, 2024

Alfred Sant huwa Rapporteur għall-Grupp S&D tar-rapport dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali adottat mill-Kumitat Ekonomiku tal-PE

Aqra wkoll

Il-kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-Parlament Ewropew adotta b’maġġoranza kbira rapport dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali li fuqu Alfred Sant ħadem b’mod intensiv matul is-sajf.

Alfred Sant huwa r-rapporteur għall-Grupp S&D fil-Parlament Ewropew għal rapport intitolat “Iktar żvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali: titjib fl-aċċess għall-finanzjament tas-suq tal-kapital, partikolarment mill-SMEs, lejn iktar parteċipazzjoni tal-investituri”.

B’kuntrast ma’ self bankarj, is-swieq kapitali jintużaw għall-ġbir ta’ finanzi għal żmien twil, bħax-xiri ta’ ishma / ekwitajiet, jew għal self li mhux mistenni li jitħallas lura għal mill-inqas sena.

Il-kompromessi kollha nnegozjati minn Alfred Sant ma’ gruppi politiċi oħra fil-Parlament Ewropew ġew adottati flimkien mal-emendi oriġinali tiegħu stess. Dawn kienu jinkludu emenda dwar Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew biex tinġabar informazzjoni dwar kumpaniji fl-Ewropa bħala mod kif tgħin lill-SMEs jattiraw investituri.

Emenda oħra li saret kienet dwar il-potenzjal tal-Fintech biex jaqdi ċerti ħtiġijiet tal-SMEs u investituri billi jippermetti modi deċentralizzati ta’ operazzjoni u titjib fl-effiċjenza permezz ta’ ‘crowd funding’ u offerti inizjali ta’ muniti.

Alfred Sant introduċa wkoll ir-rwol ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali fid-dibattitu billi ppropona li l-investituri fil-livell tal-konsumaturi għandhom ikunu parti integrali mill-aġenda tal-finanzi sostenibbli kif ukoll mill-aġenda tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli.

Tressqu emendi oħra biex jenfasizzaw numru ta’ oqsma importanti bħall-ħtieġa għal ambjent regolatorju, li jtaffi r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u jipproteġi l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, pensjonanti u konsumaturi.

L-emendi ta’ Alfred Sant kellhom l-għan li jappoġġjaw miżuri biex jippromwovu l-ħtieġa għal aċċess ugwali għal opportunitajiet ta’ finanzjament u investiment madwar l-UE, fir-reġjuni ċentrali u periferali b’mod ugwali u biex jissalvagwardjaw l-istandards stabbiliti wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.

Bħala rapporteur, Alfred Sant ilu jiltaqa’ mal-partijiet interessati permezz ta’ konferenzi virtwali matul ix-xhur li għaddew bil-għan li jibni pożizzjoni b’saħħitha favur il-kawża tal-investituri żgħar u ta’ kumpaniji żgħar. Dawn kienu jinkludu organizzazzjonijiet fosthom il-Federation of European Securities Exchange, Insurance Europe, Better Finance, Markets4Europe u l-International Swaps and Derivatives Association.

B’dan ir-rapport ta’ inizjattiva, il-Parlament Ewropew qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-kwistjoni ta’ aċċess aħjar għall-finanzi għall-SMEs, sabiex ma jkollhomx jibbażaw l-ħin kollu fuq self bankarju.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li tiffaċilita lill-kumpaniji tal-UE sabiex jiksbu l-fondi li għandhom bżonn biex jikbru minn investituri individwali u istituzzjonali fis-suq uniku Ewropew.

Unjoni tas-Swieq Kapitali b’saħħitha hija meħtieġa wkoll biex tikkumplimenta l-Unjoni Bankarja u biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u r-rwol internazzjonali tal-euro.

L-abbozz tar-rapport ġie ppreżentat għall-ewwel darba f’Ġunju u mistenni li jkun vvutat fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew f’Ottubru.

Sport