Friday, July 19, 2024

“Qalbi tingħafas x’ħin nara familja ma jistgħux jidħlu b’tebut il-Knisja”

Aqra wkoll

“Qalbi tingħafas x’ħin nara familja ma jistgħux jidħlu b’tebut fil-Knisja.” Hekk stqarr l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Mons. Joseph Curmi waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-imwejjed u s-siġġijiet li hemm fi Pjazza San Ġorġ.

Illum, il-Bażilika ta’ San Ġorġ, għaqdiet kulturali fosthom is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-mużew Il-Ħaġar (Fondazzjoni Belt Victoria), flimkien mal-attivisti tal-Moviment Graffitti, Għawdix, Din l-Art Ħelwa – Għawdex u Flimkien għal Ambjent Aħjar iltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex għal Konferenza Stampa dwar is-serq tal-ispazju pubbliku fi Pjazza San Ġorġ. Preżenti għal din il-Konferenza Stampa kien hemm ukoll għadd ta’ kunsilliera li għadhom kemm ġew eletti fil-Kunsill Lokali tar-Rabat, membri tal-parroċċa ta’ San Ġorġ u residenti, li lkoll jinsabu mxebbgħin mill-mod kif l-istabbilimenti kummerċjali kkapparraw għalkollox il-pjazza.

L-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Kan. Joseph Curmi, li kien wiċċ prominenti f’din il-Konferenza Stampa, ilu għal dawn l-aħħar snin jilmenta li Pjazza San Ġorġ spiċċat maħnuqa għalkollox mill-imwejjed, siġġijiet, tined u strutturi oħra tal-istabbilimenti. Id-diversi tentattivi ta’ djalogu mal-awtoritajiet responsabbli, fosthom l-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-Awtorità tal-Ippjanar, ma wasslu mkien għax l-awtoritajiet ma jridux jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u l-infurzar huwa prattikament ineżistenti.

Is-sitwazzjoni fi Pjazza San Ġorġ hija tant gravi li l-erba’ daħliet għaliha huma kollha imblokkati, u l-aċċess għall-pjazza qed isir dejjem aktar diffiċli. Ix-xena tal-pjazza, li kienet ġiet pedonalizzata sabiex titgawda min-nies, maħnuqa bl-imwejjed, siġġijiet u tined qed tqanqal ir-rabja fin-nies għax hija xempju ta’ kif l-interessi kummerċjali tħallew jieħdu prijorità assoluta fuq l-interessi tan-nies u tal-komunità.

Lil hinn min-nuqqas ta’ aċċess bla xkiel u sigur għall-pjazza, l-abbuż li qed jitħalla jirrenja fi Pjazza San Ġorġ qed jagħmilha wkoll impossibbli biex tiġijiet, funerali u attivitajiet marbuta mal-festa jkunu jistgħu jsiru. L-Arċipriet saħaq li mhuwiex aċċettabbli li art pubblika qed titħalla tinħataf b’mod abbużiv u ċ-ċttadini jridu jiksbu permess biex għal tieġ jew funeral – u xorta waħda jkollhom jaffaċċjaw labirint ta’ mwejjed u siġġijiet dakinhar tat-tieġ jew funeral. Is-Soċjetà Filarmonika La Stella mhux l-ewwel darba wkoll li appellat lill-awtoritajiet biex jikkontrollaw l-abbuż u jżommu l-ordni fil-pjazza sabiex il-festa tkun tista’ tiġi ċċelebrata bla xkiel, iżda l-awtoritajiet jibqgħu ma jiħdux azzjoni.

Il-Moviment Graffitti saħqu li dak li qed jiġri fi Pjazza San Ġorġ huwa sintomatiku tan-nuqqas totali ta’ bilanċ bejn il-kummerċ u l-poplu. Il-bankini, il-pjazez u t-toroq tagħna maħnuqa bl-imwejjed u s-siġġijiet saru xena komuni madwar Malta u Għawdex. F’kuntest fejn art pubblika qed tkompli tingħata lill-privat għad-detriment tal-poplu, huwa inkwetanti kif l-ispazji pubbliċi bħal pjazez, bankini, u toroq pedonali qed jispiċċaw inaċċessibbli għan-nies ukoll sabiex ikomplu jiġu sodisfatti l-interessi kummerċjali.

Il-kummerċ bla rażan, il-ħtif tal-ispazji pubbliċi, u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet wasslu biex gruppi ta’ residenti minn Tas-Sliema, il-Belt Valletta, Marsaxlokk, il-Kottonera, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, Wied il-Għajn, u issa wkoll ir-Rabat, Għawdex, ingħaqdu flimkien fil-kampanja “Il-Bankini taċ-Ċittadini” sabiex jiddefendu dak li hu tagħhom bi dritt u jieħdu lura l-ispazji pubbliċi.

Ir-residenti, flimkien mal-Moviment Graffitti u l-FAA, fasslu dokument b’għadd ta’ talbiet u proposti sabiex is-serq tal-ispazji pubbliċi mill-istabbilimenti kummerċjali jiġi indirizzat u kkontrollat bis-serjetà. It-talbiet intbagħtu lill-Prim Ministru u lill-Ministri responsabbli, iżda minkejja li l-Prim Ministru riċentament stqarr li din hija problema li jeħtieġ tiġi indirizzata, s’issa r-residenti għadhom qed jistennew risposta.

Ekonomija

Sport