Saturday, December 28, 2024

Qaltlu li kienet l-eks mara tad-Direttur tal-KGB… iżżewġu u wara xahar telqet mid-dar

... il-Qorti qalet li l-mara iżżewwġet lir-raġel biex takkwista l-ġid, l-assi u l-flus tiegħu taħt idejha u biex bħala ċittadina, tikseb id-dritt illi tirrisjedi Malta permezz taż-żwieġ

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bikja f’nofs ta’ lejl minn mara barranija li kienet iltaqgħet ma’ raġel Malti fuq ‘dating site’ u mbagħad spiċċaw jikkomunikaw bi skype, kienet ikkonvinċiet lir-raġel li għandhom jiżżewġu. Il-mara baranija kienet qaltlu li hi l-mara ta’ eks direttur tal-KGB. Il-mara kienet ġiet tgħix f’Malta fid-dar ta’ dan ir-raġel fejn qabel iż-żwieġ hi kienet torqod isfel u hu fuq.  Il-mara riedet li l-beni ma jkunux separati iżda din kienet ġabet reazzjoni negattiva mit-tifel tiegħu u finalment il-mara ċediet. Ġara li meta żżewġu, il-mara kienet qaltlu li ma tistax tagħmel l-att taż-żwieġ u baqgħu jorqdu hu fuq u hi isfel. Hi kienet titolbu flus regolari u kien biss xahar wara li żżewġu li hi finalment telqet mid-dar u marret tgħix f’lukanda f’Buġibba. Finalment hi telqet minn Malta u ma dehritx aktar. Il-Qorti ddikjarat fis-sentenza tagħha li l-mara iżżewwġet lir-raġel biex takkwista l-ġid, l-assi u l-flus tiegħu taħt idejha u bħala ċittadina, tikseb id-dritt illi tirrisjedi Malta permezz  taż-żwieġ. Il-Qorti iddikjarat iż-żwieġ null.

Ir-raġel xehed li hu iltaqgħa ma’ mara barrannija  fuq dating site f’Jannar jew Frar tas-sena 2016 u kienu jitkellmu fuq Skype. Iżid illi darba minnhom il-mara kienet ġiet Malta u damet bejn wieħed u ieħor tlett  xhur u hi qagħdet għandu. Jispjega illi hu kien jorqod fuq u hi kienet torqod isfel fil-kamra tas-sodda, fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq. Jixhed li wara  telqet lura pajjiżha, fejn wara huma baqgħu jitkellmu fuq Skype. 

Ir-raġel fix-xhieda tiegħu qal li l-mara  kienet tgħidlu li huwa raġel sew u mingħajr vizzji. Jixhed illi l-passatemp tiegħu huwa fil-botanika, fil-fjuri, siġar u l-ambjent. Hu spjega li qabel iż-żwieġ kien jagħtiha bejn €500 u €1,000 u hi kienet tibgħathom lit-tifla. Hi riedet li anke  jaqleb id-dar fuqha. Jixhed illi hi kienet tgħidlu li tixtieq li tibqa’ miegħu u li trid tmur tgħix miegħu. 

Fix-xhieda tiegħu r-raġel xehed li l-mara  kienet tgħidlu li hi professur taħdem fi sptar u li kienet l-eks mara tad-Direttur tal-KGB.  Jispjega li fil-fatt hi kienet reġgħet ġiet lura Malta u minn hemm urietu li riedet li r-relazzjoni tagħhom tiżviluppa. Hi kienet isajjar, taħsel u tnaddaf u ddur bih. Iżid illi kienu ilhom xi tlett xhur bil-pjanijiet għaż-żwieġ u kien irranġa l-affarijiet hu, u fil-frattemp hi kienet tagħmel madwar għaxart ijiem f’Malta u kien ikollha terġa’ tirritorna. B’kollox bejn is-sena 2016 u s-sena 2018 meta żżewġu kienet ġiet darbtejn f’Malta. Jispjega illi darba minnhom kienet qamet tibki li ma tridx tmur lura u kien hemm illi ddeċieda li aħjar jiżżewwġu. 

Ir-raġel xehed li rigward il-kuntratt, jirrileva li hi ma riditx li jsir iżda kien it-tifel tiegħu li qallu biex jagħmlu għax beda jaħseb li riedet teħodlu kollox.  Jidher li l-mara ghall-ewwel oġġezzjonat bil-qawwa iżda fl-aħħar ċediet li l-beni jibqgħu separati. 

Enfasizza li wara t-tieġ bdiet tmur tinkiteb f’ħafna komunitajiet  u anke ġieli ħaditu f’xi knisja tagħhom il-Belt. Bdiet ukoll ġejja u sejra l-ambaxxata  imma lilu kienu jħalluh barra. 

Ir-raġel jixhed li ż-żwieġ tagħhom qatt ma ġie kkunsmat u r-relazzjoni bejniethom kienet limitata għal tgħanniq u bews, mill-bidu sal-aħħar taż-żwieġ. Jispjega illi hi kienet tgħidlu li ma setgħetx tagħmel l-att taż-żwieġ.  Ir-raġel imbagħad jgħid li wara ftit ġimgħat sparixxiet u ma bediex isibha d-dar u kienet marret tgħix f’lukanda il-Qawra mingħajr ma tatu raġuni għaliex. Biss sostna li hi kienet titolbu joħdilha l-flus. Darba minnhom kien taha €500 u meta qalilha biex tmur lura d-dar, kienet qaltlu li aħjar toqgħod waħidha. Jispjega li kienet sentejn iżgħar minnu, però hi qatt ma kienet tgħidlu xejn. Jenfasizza li kull fejn kienet tara exchange kienet titolbu l-flus, elf ewro, f’elf ewro. Jixhed illi ta madwar €7000. Jikkonferma li huma żżewġu fi Frar u fit-30 ta’ Marzu kienet telqet.

Jirrileva li preżentament ma jafx fejn tinstab il-mara iżda jaf li telqet minn Malta żgur, għax it-tifel tiegħu kien raha l-ajurport u minn dak inhar ħadd ma raha aktar. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li “din il-Qorti għandha d-dover li tevalwa bir-reqqa l-provi li nġabu quddiemha, liema provi għandhom ikunu konkreti, konvinċenti u li ma jħallu l-ebda dubju f’moħħ il-ġudikant b’dana illi l-anullament in kwistjoni mhux qiegħed jintalab kappriċċożament. Il-mara li kienet rappreżentata f’din il-kawża minn Kuraturi Deputati, ma xehditx u għalhekk il-Qorti għandha quddiemha biss il-verzjoni inkontradetta tar-raġe. Illi din il-Qorti tosserva illi minkejja li kien hemm diversi ingunzjonijiet sabiex jitilgħu jixhdu rappreżentanti minn diversi dipartiment/aġenziji, din il-Qorti rat illi dawn baqgħu ma ħarġu qatt, bil-konsegwenza li din il-Qorti għandha biss a dispożizzjoni taghha t-testimonjanza tar-raġel. Mill-provi mressqa mir-raġel, it-talbiet tiegħu għan-nullità huma essenzjalment imsejsin fuq il-premessa li l-marra qieset iż-żwieġ bħala wieħed ta’ konvenjenza. Il-ġurisprudenza tal-Qrati Maltin fuq dan is-suġġett hija fis-sens illi żwieġ ta’ konvenjenza jimporta s-simulazzjoni tal-kunsens peress illi l-partijiet, jew xi ħadd minnhom, ikunu eskludew pożittivament iż-żwieġ innifsu, u għalhekk huwa żwieġ null f’għajnejn il-liġi. 

Il-Qorti qalet li rat illi mill-provi prodotti jidher illi ż-żwieġ qasir tal-partijiet kien wieħed ta’ purament ta’ konvenjenza għall-mara u hemm bosta fatturi li jistabbilixxu dan l-istat ta’ fatt. Illi mix-xhieda mhux kontrastata tar-raġel jidher illi l-intiża tal-mara kienet biss li tiżżewweġ lill-attur sabiex hija tkun tista’ tirrisjedi Malta, tikseb karta tal-identità Maltija, u li permezz taghha, tkun tista’ taċċedi l-kumplament tal-Ewropa. 

Qalet li jidher ukoll li l-mara kienet tqis lir-raġel bħala mezz kif tista’ tikseb gwadann finanzjarju. Infatti l-intimata kienet tippretendi li r-raġel jroddilha kull ma titlob mingħajr ebda mistħija jew qis kemm qabel iż-żwieġ kif ukoll wara. Infatti, mix-xhieda tar-raġel jirriżulta li l-mara kienet titlob ammonti sostanzjali bejn hames mitt €500 u €1000 kull darba, mingħajr spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni. 

Il-Qorti qalet li r-raġel kien spjega illi kien ra bidla fil-personalità tagħha wara ż-żwieġ, liema bidla ġabet magħha indifferenza totali fir-rigward tar-raġel u l-ħajja konjugali tagħhom tant li l-għada taż-żwieġ bdiet titolbu iwassalha diversi bnadi sabiex tissieħeb f’kommunitajiet diversi, u kienet ġejja u sejra l-Ambaxxata f’Malta. Apparti dan ftit ġimgħat wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ telqet tgħix waħidha ġo lukanda. 

Il-Qorti qalet ukoll li mit-testimonjanza tar-raġel, relattiva għall-fatt li l-mara qatt ma fittxet l-intimità ta’ bejniethom bħala konjugi, tant li kemm qabel u anke wara ż-żwieġ huma baqgħu jorqdu fi kmamar separati, bil-konsegwenza li ż-żwieġ qatt ma kien konsumat, ikompli jitfa’ dawl fuq kemm verament dan kien biss żwieġ ta’ konvenjenza għall-mara, u li r-raġel kien biss mezz ta’ gwadann finanzjarju. 

Intqal li l-Qorti hija tal-fehma li l-mara iżżewwġet lir-raġel biex takkwista l-ġid, l-assi u l-flus tiegħu taħt idejha u bħala ċittadina, tikseb id-dritt illi tirrisjedi Malta permezz  taż-żwieġ u eventwalment l-Ewropa wkoll. Il-Qorti qalet li hekk kif kisbet dak li riedet, abbandunat lir-raġel daqs li kieku qatt ma kien ġie ċċelebrat żwieġ bejniethom. Il-Qoti qalet li huwa biss l-għaqal ta’ iben ir-raġel, li kkonvinċieh jikkontratta is-separazzjoni tal-beni qabel iż-żwieġ mal-mara li ssalvagwardja lir-raġel minn falliment finanzjarju. 

Il-Qorti qalet li tinsab moralment konvinta illi ż-żwieġ tal-partijiet huwa null.

Ekonomija

Sport