Sunday, December 22, 2024

“Qaluli li se nagħżel suġġett stramb… kburija iżda li rnexxieli nasal fejn xtaqt”

Jacqueline Grech Licari – vulkanoloġista Maltija bbażata fl-Iżlanda

Aqra wkoll

Jacqueline Grech Licari hija vulkanoloġista Maltija li hi bbażata fl-Iżlanda. Minn dejjem kienu jinteressawha l-vulkani u meta kienet żgħira, l-għaxqa tagħha taqra fuqhom u titħarreġ aktar dwar kif oriġinat l-eruzzjoni tagħhom.

Meta wieħed jiddefenixxi t-terminu vulkanoloġista, ikun qed jitkellem fuq persuna li hi wkoll ġeoloġista u li jiffoka fuq il-formazzjoni u l-attivita’ ta’ eruzzjoni tal-vulkani. Il-vulkanoloġisti ta’ spiss iżuru l-vulkani, speċjalment dawk li jiżbroffaw, u josservaw ħafna affarijiet li bihom jifhmu aktar dwar l-attività li jkun hemm. Huma jiġbru wkoll tip ta’ ġebel imsejħa tephra u lava sabiex jiddeterminaw it-tip ta’ eruzzjoni li tkun seħħet.

Dan is-sit tkellem ma’ Grech Licari dwar din il-passjoni li għandha. Hi meqjusa bħala l-ewwel vulkanoloġista Maltija u hi tgħid li tinsab kuntenta twettaq dan ix-xogħol.

“Sa minn meta kont żgħira kienu jinteressawni l-vulkani. Kont naqra ħafna kotba fuqhom u kienu jaffaxxinawni diversi affarijiet relatati ma’ perikli naturali fosthom anke t-tsunami u l-irwiefen.”

“Minn meta kont żgħira kont ukoll ngħid lill-ġenituri tiegħi kif ukoll lill-għalliema li kelli li xtaqt nistudja l-vulkani iżda huma kienu jgħiduli li hawn Malta m’hawnx minnhom u għalhekk kienet xi ħaġa impossibbli.”

“Jien ma qtajtx qalbi u bqajt għaddejja billi għażilt is-suġġetti xjentifiċi fl-iskola sekondarja filwaqt li ġibt l-eżamijiet fuq livell ordinarju u sekondarju sabiex eventwalment dħalt l-Universita’ ta’ Malta. Hemmhekk jien attendejt il-kors għall-Baċellerat tax-Xjenzi fejn kelli objettiv li nkompli niżviluppa aktar fuq dan is-suġġett.”

Grech Licari tgħidilna li Malta kien hawn ċerti limitazzjonijiet u għalhekk marret fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, eżattament fl-Iżlanda sabiex tkompli tispeċjalizza aktar fuq dan is-suġġett. Fil-fatt hi ħadet Masters fil-ġeoloġija fejn anke għamlet teżi li lestietha xahar ilu. 

Saqsejniha dwar kif inhi għaddejja l-esperjenza tagħha fl-Iżlanda, art żgħira bħal Malta iżda bi klima u drawwiet differenti minnha.

“Kienet esperjenza differenti mis-soltu speċjalment fi żmien il-pandemija. L-istudji u r-riċerka tiegħi damu aktar mis-soltu minħabba dan kollu għalkemm nista’ ngħid li l-każijiet ta’ COVID-19 hawnhekk kienu kontrollati ferm aktar mill-kumplament tal-Ewropa.”

Grech Licari wettqet fieldwork fuq l-attivita’ vulkanika fl-Iżlanda. Fil-fatt l-iżbroff tal-vulkan fil-peniżola ta’ Reykjanes fl-Iżlanda jista’ jagħti bidu għal perjodu attiv vulkanika f’din il-parti tal-pajjiż.

“Wara aktar minn tmien mitt sena kajman, Reykjanes qed terġa’ tistejqer b’attività spettakolari li qed tiġbed lejha folol kbar biex josservaw is-seħer tan-natura. Wieħed jista’ jara xeni spettakolari bil-vulkan ibaqbaq u bil-lava toħroġ sparata minnu.”

Minkejja li forsi kien hemm twissija mill-awtoritajiet Iżlandiżi biex in-nies ma jersqux viċin tal-vulkan, dawn l-individwi raw li kienet okkażjoni ta’ darba f’ħajjithom li jaraw dan il-fenomenu naturali.

Saqsejna lil Jacqueline Grech Licari dwar Malta u l-istruttura ġeoloġika tagħha.

“Kif nafu Malta m’għandniex vulkani u għalhekk ma jkollniex żbroffi. Il-gżejjer Maltin għandhom art sedimentarja u magħmulin minn ħames saffi konsolidati li ħafna minnhom huma ta’ kulur safrani.

Iżda dawk in-nies li jgħixu barra minn Malta u għandhom pajjiż fejn hemm vulkan attiv, huma siguri li jistgħu jgħixu f’darhom mingħajr ma jkollhom xi tip ta’ ħsara?

“F’dawn il-pajjiżi, in-nies jgħixu b’mod sigur minħabba li ċerti vulkani jipproduċu lava fluwida u ma jkunx hemm tip ta’ żbroffi qawwija. Qisek qed tara rmied tiela’ fl-arja.”

Wieħed jista’ jħares ukoll lejn il-vulkan Etna, li inċidentalment hu l-ikbar vulkan fil-Mediterran u fl-Ewropa u jiżbroffa ta’ spiss. Dan forsi wieħed jista’ jsejjaħlu bħala fenomenu li jista’ jagħmel xi tip ta’ ħsara u għalkemm ikollu żbroff spettakolari jaf jikkawża ftit periklu wkoll.

Ma nistgħux ma nsemmux eżempju prattiku ta’ żbroff li litteralment difen belt sħiħa. Fil-fatt Pompeii, belt li kienet tinsab fin-naħa t’isfel tal-Italja viċin il-kosta ta’ Napli, ġie litteralment midfuna b’lava u rmied oħxon wara l-eruzzjoni kbira tal-Vesuvju fis-sena 79 qabel Kristu. Illum il-ġurnata, din il-belt hi sit arkeoloġiku li wieħed jista’ jżur qalb ħafna rovini li ħalliet din l-eruzzjoni. Grech Licari tispjega x’ġara dakinhar.

“Din kienet lava vistuża li ksiet l-belt ta’ Pompeii. L-ispluzzjonijiet kienu kbar u dak iż-żmien dik il-belt kellha art fertili.”

Saqsejna lil Grech Licari dwar is-sodisfazzjon li jtiha dan ix-xogħol li hi qed tagħmlu fuq bażi full-time.

“Itini ħafna sodisfazzjon. Meta int qed tagħmel xi ħaġa li tħobb, bla dubju li tkun kuntenta u kburija li qed tagħmel xi ħaġa ta’ ġid, b’mod partikolari meta nispjega lil ħaddieħor ċerti affarijiet.”

Hi tikkompara dan ix-xogħol bħala detective minħabba li trid tinvestiga ħafna affarijiet speċjalment wara li tkun seħħet eruzzjoni.

Tlabnieha sabiex tagħti l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jsiru vulkanoloġisti.

“L-ewwel u qabel kollox ma jridux jaqtgħu qalbhom minkejja li ħafna qaluli li kont se nagħżel suġġett stramb. Jien bqajt determinata li nasal fejn nixtieq u kburija li rnexxieli nagħmel dan kollu.”

“Jien inħeġġeġ lil dawk kollha li jixtiequ jilħqu vulkanoloġisti sabiex jagħmlu kuraġġ għax hu suġġett ferm interessanti.”

Ekonomija

Sport