Tuesday, April 30, 2024

Kważi 690,000 passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Lulju

Aqra wkoll

F’Lulju l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra l-aktar rata ta’ rkupru b’saħħitha sa issa ta’ 86.3%, hekk kif mill-ajruport għaddew 689,145 passiġġier.

85% tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta f’Lulju 2019 ġew irkuprati x-xahar li għadda, filwaqt li s-seat load factor (SLF) żdied b’1.2% meta mqabbel mas-sena ta’ referenza. Is-seat load factor għax-xahar li għadda, li jkejjel ir-rata ta’ okkupanza ta’ postijiet fuq it-titjiriet, kien fi-livell ta’ 88.3%, jiġifieri l-ogħla għax-xahar ta’ Lulju li ġie rreġistrat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-2016 sa issa.

F’Lulju l-Italja baqgħet fil-quċċata tal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li n-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw minn jew lejn din id-destinazzjoni sebaq il-livelli tal-2019 għat-tieni xahar konsekuttiv. L-Italja kienet segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja.

Filwaqt li s-suq Taljan kiber bi 3% fuq Lulju 2019, is-suq Franċiż rreġistra tkabbir aktar notevoli ta’ 41% meta mqabbel mal-istess xahar qabel il-pandemija. Dan it-tkabbir kien prinċipalment ir-riżultat tal-introduzzjoni ta’ titjiriet lejn l-ajruporti ta’ Charles de Gaulle u Orly f’Pariġi minn Air France u Vueling rispettivament.

Bir-riżultati ta’ Lulju, it-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sa issa tela’ għal aktar minn tliet miljun moviment tal-passiġġieri, li jsarrfu fi rkupru ta’ 75% tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport fl-istess seba’ xhur fl-2019.

Sport