Monday, November 11, 2024

Qarrqet bih biex jibagħtilha l-flus għax “ħatfu” lin-neputija

Aqra wkoll

Mara li allegatament ikkonvinċiet lill-ħabib tagħha jibgħatilha l-flus ħalli tikseb il-ħelsien tagħha minn dawk li qalet li ħatfuha, inżammet taħt arrest preventiv fuq akkużi li ffrodatu billi żammet il-flus għaliha.

Ivana Stankovic ta’ 44 sena mis-Serbja iżda residenti f’San Pawl il-Baħar tressqet fil-Qorti mixlija bi frodi, li għamlet rapport falz u li għamlet użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika.

Fil-Qorti ħareġ kif nhar it-8 ta’ Lulju li għadda, ħabib tal-imputata kien mar jirrapporta l-Għassa li kien għadu kemm irċieva messaġġ bil-WhatsApp mingħand l-imputata li kien jinkludi ritratt tagħha b’ċarruta f’ħalqha u xi ġrieħi f’wiċċha. Hija kienet allegat miegħu li nħatfet u li ħadulha wkoll il-passaport.

Kien għalhekk li l-Pulizija marru fir-residenza tagħha, iżda kienu sabuha rieqda u ma nnutawx li kellha xi ġrieħi. Hija kienet qaltilhom li kienu serqulha l-mobile. Intqal li l-Pulizija sa dak il-ħin ma ssuspettawx ħażin fiha u talbuha ċċempel l-għassa l-għada, iżda baqgħet ma ċemplitx.

Żied jingħad li l-ħabib tagħha qal lill-pulizija li xi jiem qabel, l-imputata kienet talbitu €3,000 għaliex kienet allegat li kienu ħatfu lin-neputija tagħha. Huwa kien bagħtilha nofs dan l-ammont permezz ta’ Revolut u l-bqija tahomlha fi flus kontanti.

Fil-Qorti ħareġ iżda li meta l-Pulizija kienu kellmu lin-neputija, din qaltilhom li qatt ma kienet inħatfet.

L-imputata wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tagħha. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li għad baqa’ xhieda li għad iridu jixhdu fosthom in-neputija tagħha li tgħix magħha u l-vittma.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant inżammet taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi mentri l-Avukat Joseph Bonnici deher għall-imputata.

Sport