Saturday, May 4, 2024

Pass kbir biex l-ekonomija tkompli tiġi diversifikata

Il-Prim Ministru Robert Abela jitkellem dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Se jiġi mwessa’ t-territorju minn fejn issir l-attività ekonomika mingħajr ma tkun qed tiġi żviluppata l-art. Dan huwa pass li se jkompli jgħin biex l-ekonomija tkompli tiġi diversifikata sabiex jinħolqu setturi ġodda.

Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva u Liġijiet Varji.

Il-Prim Ministru semma li dan il-Gvern se jkun qiegħed jaħdem sabiex kemm jista’ jkun malajr Għawdex isir l-ewwel parti minn pajjiżna li fih l-enerġija tkun ġejja kollha minn sorsi rinovabbli. Qal li “Għawdex irid ikun il-post li juri b’mod ċar kif il-prosperità ġdida ta’ pajjiżna tista’ titwettaq b’suċċess.”

Huwa qal li b’dan l-abbozz, li se jemenda 39 liġi oħra, se tkun qiegħda tiġi stabbilita ż-Żona Ekonomika Esklussiva. Dan ifisser li żona ‘l barra mit-12-il mil nawtiku, ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin, se tkun użata għat-twettiq tal-attività ekonomika.

“L-interess qiegħed hemm. Għaliex numru ta’ xhur ilu ħriġna pre-market consultation, li kienet ukoll miftuħa internazzjonalment. Ir-rispons kien wieħed inkoraġġanti,” qal il-Prim Ministru.

Huwa spjega li wara dawn il-bidliet leġiżlattivi jidħlu fis-seħħ, imiss li jinħarġu sejħiet miftuħa kemm lokalment u anke internazzjonalment għal proġetti f’din iż-żona, l-attenzjoni prinċipali se tkun fuq enerġija rinovabbli.

Filwaqt li enfasizza li b’dawn id-deċiżjonijiet se jkun qed jiġi sfruttat il-potenzjal li għandu pajjiżna, il-Prim Ministru sostna li dawn il-proġetti jridu jingħaqdu mal-prinċipju kif stabbilit waqt il-konferenza tal-MED9 li saret f’pajjiżna – dak li l-Mediterran ikun hub ta’ enerġija nadifa u Malta trid tkun “leader” fih.

Ma naqasx milli jsemmi wkoll l-importanza tal-isħubija strateġika ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, fosthom bil-ftehimiet li saru mal-Libja u anke mat-Tuneżija.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru enfasizza li l-miri li għandu l-Gvern huma ambizzjużi ferm fejn kull settur ekonomiku se jesperjenza bidliet kbar li mhux se jwaqqfu r-rata ta’ tkabbir ekonomiku, imma jagħmlu t-tkabbir wieħed aktar sostenibbli jsarrfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar.

“Dan il-pajjiż irid jibqa’ miexi ‘l quddiem. Dan anke billi jimraħ f’oqsma ġodda filwaqt li f’dawk tradizzjonali u li qdew lill-ekonomija ta’ pajjiżna se nibqgħu nżommuhom b’saħħithom,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Sport