Tuesday, December 24, 2024

QASAM SOĊJALI ROBUST

Aqra wkoll

It-tisħiħ tal-ekonomija qed jirrifletti f’aktar benefiċċji u aqwa milli qatt ingħataw. Kieku ma kienx hekk ma kinux se jitħallsu €40 miljun f’benefiċċji fl-ewwel nofs ta’ din is-sena li minnhom igawdu 63,000 familja. 

Minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena se jkunu nħarġu aktar minn €29 miljun fuq pagamenti taċ-children’s allowance, kważi €2 miljuni f’benefiċċju għat-tfal b’diżabilità, €721,000 fuq fostering allowance u €8.2 miljun fuq benefiċċji tal-Għajnuna Supplimentari. 

Dan juri kemm il-Gvern qed jaħdem biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Iżda li jkun aktar għaqli biex dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali jiġu megħjuna jqumu fuq saqajhom biex ikabbru d-dħul tagħhom u ma jibqgħux aktar fl-istat li huma fih. 

Filwaqt li nemmnu li dan huwa xi ftit diffikultuż biex iseħħ għaliex hemm min huwa kuntent li jieħu benefiċċju minflok imur jaħdem, b’danakollu għandhom isiru sforzi biex kemm jista’ jkun min jiflaħ jaħdem, jidħol fid-dinja tax-xogħol. 

Ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bosta fl-età tax-xogħol li jippreferu l-benefiċċju milli jmorru jaħdmu, meta pajjiżna hemm vojt kbir ta’ ħaddiema f’ċertu setturi tal-ekonomija. 

Bl-għoti ta’ dawn il-benefiċċji, il-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, diġa’ implimenta 58.2% tal-wegħdiet kif imfassla fil-manifest elettorali. Apparti minn hekk, sal-aħħar ta’ Frar li għadda, il-Ministeru se jkun implimenta 25 mill-35 miżura tal-Budget 2024, li jfisser li diġà twettqu 71.4% tal-miżuri kollha tal-budget.

L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri kollha turi l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies permezz ta’ aktar benefiċċji b’saħħithom u li jmorru fejn hemm l-aktar bżonn.

F’dan il-kuntest, huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw it-tisħiħ u t-tkabbir tal-ekonomija sabiex il-benefiċċji jibqgħu jkunu sostnuti llum u għaż-żmien li ġej. Għalhekk hija għaqlija l-ħidma kontinwa tal-Gvern biex iseddaq il-mekkaniżmi kollha biex aktar investiment jiġi attirat lejn pajjiżna li minnu jkunu jistgħu jgawdu l-faxex kollha tas-soċjetà Maltija. 

Ekonomija

Sport